'Bla profitti ... qed niftħu biss biex innaqqsu t-telf'
Sidien ta’ stabbilimenti li tkellmu mal-gazzetta ILLUM wrew it-tħassib tagħhom għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha u kif din tista’ tmur għall-agħar hekk kif diversi pajjiżi poġġew restrizzjonijiet fuq is-safar lejn Malta
minn Yendrick Cioffi
“Qed niftaħ u bqajt għaddej biex nipprova nnaqqas it-telf u mhux biex nagħmel profitt.” Hekk saħaq wieħed mis-sidien ta’ stabbilimenti li l-gazzetta ILLUM tkellmet magħhom wara ż-żieda sostanzjali fil-każi ta’ Covid-19 u anke wara li diversi pajjiżi poġġew restrizzjonijiet fuq is-safar lejn Malta.
Is-sidien kollha saħqu li s-sitwazzjoni preżenti mhijiex sostenibbli. “Ma hawnx biżżejjed xogħol għal kulħadd. Is-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli u issa se ssir agħar,” saħaq sid ta’ ristorant.
L-aħħar restrizzjonijiet li diversi pajjiżi, partikolarment ir-Renju Unit u l-Italja, imponew fuq Malta, żiedu aktar u aktar it-tħassib ta’ dawn is-sidien li l-ILLUM tkellmet magħhom.
Wieħed mis-sidien insista kif fil-ħmistax ta’ Santa Marija, Malta tkun mifqugħa bl-Isqallin u t-Taljani għax ħafna jagħżlu li jqattgħu l-jiem, magħrufa bħala tal-Ferragosto, f’pajjiżna.
“L-Isqallin u t-Taljani kienu bdew ġejjin mhux ħażin. Issa, bir-restrizzjonijiet il-ġodda, nistennew li jnaqqsu, anke għax se jkun hemm min iħassar il-btala tiegħu f’Malta,” insistew is-sidien.
Fil-fatt, nhar il-Ħamis li għadda, il-Ministru għas-Saħħa Taljan iffirma digriet li jimponi swab test mandatorju fuq kull min jidħol l-Italja minn Malta, il-Greċja u anke minn Spanja. Apparti minn hekk, il-President tar-Reġjun ta’ Sqallija, Nello Musumeci, ordna biex kull Sqalli li jirritorna minn Malta jagħmel 14-il ġurnata kwarantina.
Sid ieħor insista mal-ILLUM li qed jiftaħ ir-ristorant tiegħu biex ma jitlifx il-pożizzjoni tiegħu fis-suq, għax miftuħ u le, xorta telf qiegħed jagħmel.
“Illum hawn ħafna kompetizzjoni. Anke jekk qed nitlef, ma jaqbillix nagħlaq. Jekk nagħlaq diffiċli nġib il-klijenti tiegħi lura. Jekk jiena nagħlaq, se jmorru xi mkien ieħor,” insista.
Mill-banda l-oħra, sidien li tkellimna magħhom saħqu kif il-vouchers tal-Gvern tawhom ftit tan-nifs, hekk kif dawn taw spinta lit-turiżmu intern, inkluż lil-lukandi.
‘Tissikka kemm tissikka, kollox jiddependi minn kemm persuna tkun responsabbli’
Dwar dak li qalu sidien ta’ stabbilimenti u anke ċ-ċirkostanzi preżenti, fejn il-każi telgħin ‘il fuq u pajjiżi qed iwissu kontra s-safar lejn Malta, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Philip Fenech mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji.
Filwaqt li rrikonoxxa li s-sitwazzjoni mhijiex waħda sabiħa, Fenech insista li s-soluzzjoni mhijiex li jerġgħu jagħlqu r-ristoranti u n-negozji, iżda kollox jiddependi minn kemm persuna tkun responsabbli u meta jgħid persuna qiegħed jirreferi mis-sid tal-istabbiliment sal-klijenti.
Fenech insista li ż-żieda fil-każi kienet riżultat ta’ perċezzjoni li kellhom bosta li għax il-ħwienet u l-istabbilimenti fetħu u għax bdiet normalità ġdida, mela allura l-virus miet.
“Dan mhux minnu. L-istabbilimenti fetħu minħabba l-ekonomija. Mhux għax il-virus spiċċa u kollox huwa sigur. Dan żommu f’moħħok. Aħsel idejk. Ilbes il-maskra. Żomm id-distanza. Evita l-folol,” huwa l-appell li Fenech qed jgħaddi mhux biss lis-sidien iżda anke lill-konsumatur.
‘L-infurzar hija l-aktar miżura importanti’
Propju għalhekk li fi kliem Fenech, l-infurzar kien importanti u faħħar ħafna l-ispezzjonijiet li qed isiru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mid-Dipartiment tas-Saħħa u anke mill-Pulizija.
“Din hija l-aktar miżura importanti,” insista, waqt li spjega kif l-ispezzjonijiet qed isiru u saħanistra qed ikun hemm stabbilimenti jew postijiet li huma popolari ħafna man-nies, fejn l-uffiċjali qed imorru aktar minn darba kuljum. “Naf postijiet fejn l-uffiċjali baqgħu hemm ħames sigħat. Rajt Pulizija jduru Paceville bil-karozza u jferrqu l-folol.”
L-istabbilimenti fetħu minħabba l-ekonomija. Mhux għax il-virus spiċċa u kollox huwa sigur. Dan żommu f’moħħok. Aħsel idejk. Ilbes il-maskra. Żomm id-distanza. Evita l-folol
Tenna li tissikka kemm tissikka l-miżuri, kollox jiddependi mill-persuna.
‘Jien ma nemminx li t-turisti kollha li rriżultaw pożittiv ħadu l-virus minn Malta’
Fenech stqarr mal-ILLUM ukoll li ma jemminx li kull turist li rritorna lura pajjiżu u ħariġlu l-virus, ifisser awtomatikament li ħa l-virus minn Malta.
Insista li t-turisti li qed jiġu Malta, qed idumu biss ftit jiem u fi kliemu ma jagħmilx sens li dakinhar jew l-għada li jirritornaw f’pajjiżhom, jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 għax ikunu ttieħdu minn Malta. Għalhekk, tenn l-appell tal-Kamra, biex il-Gvern jordna lil kull turist li jiġi Malta biex jagħmel swab test minn tal-inqas 48 siegħa qabel jasal Malta.
“Dan mhux possibbli, iżda xorta ma jiġġustifikax l-imġieba ta’ ħafna nies. Qed naraw l-abbuż kuljum u mhux fis-settur tat-turiżmu biss,” insista Fenech.
‘Żball ta’ persuna jew stabbiliment ma għandux jirrifletti fuq l-industrija kollha’
Saħaq ukoll li lanqas ma jkun ġust li kulħadd jipponta biss subajgħ lejn is-settur tat-turiżmu u d-divertiment. Fakkar li fost il-każi pożittivi, kien hemm dawk li ħarġu minn fuq postijiet tax-xogħol, mill-iskejjel tas-sajf, mill-festi u oħrajn.
“Żball ta’ persuna jew stabbiliment ma għandux jirrifletti fuq is-settur jew il-poplu inġenerali,” insista.
Is-sitwazzjoni hija sostenibbli?
Mistoqsi dwar jekk l-istabbilimenti jistgħux jibqgħu sejrin hekk, Fenech ukoll, bħas-sidien, insista li s-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli u dan kien jafu kulħadd.
“L-industrija ma setgħtex tkun sostenibbli waħedha u kulħadd kien jaf li f’Ottubru, meta jbattu t-turisti, il-problema se tikber,” insista.
Spjega kif normalment f’Malta jkun hawn medja ta’ 60,000 turist kuljum, għal kuntrarju tal-lum meta qed jikkalkula li qed ikun hawn medja ta’ 10,000 turist.
“Hemm stabbilimenti li bdew, hemm oħrajn li qed izappu u min lanqas biss beda...70% tan-negozju kollu jiddependi fuq it-turiżmu. L-ekonomija katina. Mhux se jbatu l-lukandi jew ir-ristoranti biss. Se jbati tal-platti, tal-għamara, tas-sistemi tal-IT. Kulħadd.”
Kien għalhekk li appella konta l-assolutiżmu. Fi kliemu, kieku bqajna magħluqa, kien se jkun hemm riperkussjonijiet oħra, inkluż dawk ta’ saħħa.
“Mhux sabiħ li żdiedu l-każi, iżda x’kienet l-alternattiva? Li nibqgħu magħluqa? Le. Trid tikkontrolla. Ikun hemm kemm ikun kontrolli, ir-riskju hemm se jibqa’. Mhux deċiżjoni faċli. Iżda trid tħares lejn kollox.”
Temm jappella li l-uniku soluzzjoni hija li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jkun responsabbli tal-aġir tiegħu.
“Fejn hemm nuqqasijiet irridu nsaħħuhom. L-edukazzjoni tilgħab parti importanti,” saħaq Fenech.