'Il-mod kif intemmet il-karriera tiegħi kienet weġgħa ta' qalb' - Joseph Muscat

L-eks Prim Ministru jgħid illi kull Gvern kellu jagħmel żbalji fuq il-Covid-19 ladarba ma kienx hemm manwal 

L-eks PM Joseph Muscat
L-eks PM Joseph Muscat

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat ammetta illi l-mod kif intemmet il-karriera tiegħu hija 'weġgħa ta' qalb' u li xtaq illi l-aħħar biċċa tat-tmexxija tiegħu tal-partit u tal-pajjiż kienet differenti. 

Muscat - li kien qed jiġi intervistat fuq il-programm Pjazza -  irriżenja fid-dawl ta' protesti kbar, li f'mumenti kienu xi ftit vjolenti wkoll, kontra l-Gvern li kien imexxi wara li Keith Schembri kien implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia minn Yorgen Fenech - is-sid ta' 17 Black.  Dan wassal għal katina ta' riżenji primarjament ta' Konrad Mizzi u ta' Schembri nnifsu li bħalissa qed jiffaċċja ordni ta' ffriżar tal-assi. 

Dwar il-Covid-19 huwa qal illi kull Gvern għamel l-iżbalji għax ma hemmx manwal ta' kif taħdem u kieku hu kien Prim Ministru kien jagħmel l-iżbalji wkoll.  "Dak li qalet Merkel huwa interessanti għax ippreparat lin-nies għaż-żieda fl-infezzjonijiet imma li xorta kienu se jinfetħu l-iskejjel.  U jiena nemmen li kienet xi ħaġa tajba li se jinfetħu l-iskejjel  - tajjeb għall-istudenti, għall-ġenituri u għall-ekonomija," saħaq Muscat li huwa ekonomista.  "Allaħres nitmexxew mill-Facebook ... kif mhux tajjeb li ngħalqu l-pajjiż, minn naħa l-oħra mhux qisu ma ġara xejn," saħaq l-eks Prim Ministru Muscat. 

Huwa qal li lejn it-tieni nofs tas-sena d-dieħla l-ekonomija għandha tara l-ewwel irkupru, bis-sitwazzjoni ekonomika lokali ibassar li se tkun aħjar milli kien imbassar.  "L-idea kienet li l-pandemija qisha gwerra.  Illum in-nies qed jinduaw mhijiex imma li hija problema li mhix kbira daqs kemm wieħed jaħseb, imma ddum ma tgħaddi."

"Issa mhux il-ħin tas-surplus.  Imma nista' nagħtuhom għax kellna biex nagħtuhom," qal Muscat li mexxa lill-pajjiż fi snin ta' tkabbir ekonomiku qawwi.

Dwar proġetti bħall-mina bejn il-gżejjer Maltin Muscat qal li dan huwa t-tip ta' proġett li l-pajjiż għandu bżonn għax huwa essenzjali, "u hemm proġetti oħrajn bħal mini taħt l-art - apparti metro li ma tantx naħseb li hija fattibbli - imma mini li jkunu bħal fast lane.  Tħallas u tkun tista' tużahom," qal Muscat.

L-eks Prim Ministru ammetta li seta' kien aktar sensittiv għall-ambjent għalkemm qal ukoll li hemm bżonn li Malta timmasimizza l-ispazju tagħha. 

"L-avversarju tagħna se jkompli jitkisser.  Għax dak ta' bħalissa hija fażi oħra tat-tmiem tal-Partit Nazzjonalista," qal Joseph Muscat meta mistoqsi dwar il-PN. "Dawk il-ftit, ftit li jobgħoduni, jobgħoduni jgħidu li għax kissirtilhom lill-partit."

More in Politika