‘Qed insaħħu l-monitoraġġ u l-ispezzjonijiet fid-djar tal-anzjani’

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Ministru l-ġdid responsabbli mill-anzjani u l-kura tagħhom, Michael Farrugia dwar il-protokolli fid-djar tal-anzjani hekk kif minkejja r-restrizzjonijiet stretti l-Covid-19 xorta waħda qed isib mezz kif jidħol

“Bħalissa għaddejja ħidma flimkien mal-Awtorità tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali kif ukoll mad-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità sabiex jiġu riveduti protokolli kif ikun hemm bżonn.” Hekk wieġeb lill-gazzetta ILLUM il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva għal sensiela ta’ mistoqsijiet indirizzati lill-Ministru l-ġdid responsabbli mid-djar tal-anzjani, Michael Farrugia.

Fl-aħħar ġimgħat l-ILLUM irrapportat kif residenti fi djar tal-anzjani qed jinżammu fil-kmamar tagħhom bil-għan li jonqos il-kuntatt bejn l-anzjani u għalhekk jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-virus tal-Covid-19, li minkejja r-restrizzjonijiet xorta waħda qed jirnexxielu jidħol fi djar tal-anzjani.

Dawn il-mistoqsijiet kienu mibgħuta lill-eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u peress li baqgħu mhux imwieġba, il-gazzetta reġgħet bagħtithom lill-Ministru Farrugia hekk kif wara r-reshuffle tal-kabinett sar hu responsabbli mid-djar tal-anzjani.

Fost oħrajn, l-ILLUM poġġiet quddiem il-Ministru lmenti li saru minn qraba ta’ anzjani li mal-gazzetta saħqu li mhux sew li s-soluzzjoni tkun li l-anzjani jissakkru fil-kmamar tagħhom daqslikieku qiegħdin “f’ħabs.” 

Urew it-tħassib tagħhom li jekk din is-sitwazzjoni ittul, dan se jkollu impatt anke fuq is-saħħa mentali tagħhom anke għax l-attivitajiet għalihom jinsabu kompletament wieqfa u fuq iż-żjarat hemm imposti wkoll restrizzjonijiet stretti biex ikun protetti dawn il-persuni vulnerabbli.

Minkejja l-ilmenti tal-qraba u l-każi li taf bihom l-ILLUM, il-Ministeru assigura li fejn ma jkunx hemm bżonn li anzani jinżammu fi kwarantina, fid-djar tal-anzjani qed jiġu organizzati attivitajiet dejjem bil-kunċett li jinżammu l-istess residenti flimkien u ma jkunx hemm taħlit bejn bubble ta’ anzjani u oħra.

Il-Ministeru insista li qed jissaħħu wkoll l-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ kif ukoll jinħarġu multi fejn ma jkunux qed jiġu segwiti l-protokolli.

Minkejja dan u anke r-restrizzjonijiet imposti fuq iż-żjarat, xorta waħda qed ikun hemm każi ta’ anzjani li qed jinstabu pożittivi għall-Covid-19. L-ILLUM staqsiet lill-Ministru jekk hux qed issir investigazzjoni dwar dan biex ikun magħruf is-sors tat-tixrid.

Il-Ministeru saħaq li f’kull każ fejn ikun hemm djar tal-anzjani involuti, qed isiru spezzjonijiet u investigazzjonijiet xierqa biex jiġu identifikati u indirizzati xi nuqqasijiet li jista’ jkun hemm.

Madanakollu l-Ministeru ma weġibx jekk wasalx iż-żmien li l-carers jerġgħu jibdew jitqassmu fi gruppi u jidħlu jgħixu għal xi jiem fid-djar tal-anzjani biex jonqos it-taħlit tal-carers mal-anzjani, l-istess kif kien isir meta l-għadd tal-każi kien ħafna inqas.

Il-Ministeru qal biss li t-testijiet fuq l-istaff u r-residenti għaddejin il-ħin kollu u bla waqfien.

“Bis-saħħa ta’ hekk qed nidentifikaw persuni pożittivi anke meta ħafna drabi lanqas ikun għad hemm sintomi,” insista l-Ministeru.

Skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, bħalissa, 80 pazjent jinsabu rikoverati fl-isptar Good Samarithan, li fih qed jiddaħħlu dawk l-anzjani, residenti fi djar tal-anzjani, li ma jkollhomx biżżejjed spazju biex jiżolaw lill-anzjani pożittivi għall-virus.

Fuq nota aktar pożittiva, il-Professur Gauci spjegat kif l-imxija tal-virus fid-djar tal-anzjani naqset u bħalissa hemm każi f’sitt idjar li qed jirrapportaw żieda. Hemm ftit djar oħra li kellhom xi każ jew tnejn iżda l-anzjani ġew iżolati minnufih u ma kienx hemm trasmissjoni.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne

Ir-residenti u l-ħaddiema tad-djar tal-anzjani minn tal-ewwel li se jirċievu l-vaċċin

Ta’ min ifakkar ukoll li skont id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne r-residenti tad-djar tal-anzjani u dawk li jaħdmu magħhom se jkunu minn tal-ewwel li jirċievu l-vaċċin kontra l-Covid-19.

Meta nhar it-Tnejn li għadda kien qed jindirizza l-Parlament, il-Ministru Fearne spjega kif f’Jannar il-vaċċin kontra l-Covid-19 se jkun qed jingħata lill-ħaddiema tas-saħħa, lir-residenti u lill-ħaddiema tad-djar tal-anzjani u anke dawk kollha li għandhom minn 85 sena ‘l fuq.

Fearne ikkonferma li Malta mistennija tirċievi 1.6 miljun doża ta’ vaċċin minn Pfizer u BioNTech, Moderna u AstraZeneca.

Jekk l-Awtorità Ewropea għall-Mediċini tapprova l-vaċċini bħala siguri u effettivi, l-ewwel dożi tal-vaċċin ta’ Pfizer mistennija jaslu Malta fl-ewwel jiem ta’ Jannar filwaqt li dawk ta’ Moderna jibdew jaslu fi Frar.

Il-vaċċin ta’ AstraZeneca jista’ jasal ukoll fil-ġimgħat ta’ wara fi Frar jew Marzu

More in Politika