L-AĠ tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ma ssib ebda nuqqas fil-ħatra tal-ġudikatura f'Malta

Kienet l-għaqda Repubblika li talbet biex ikun investigat jekk is-sistema ta' ħatra ġudikanti tiksirx Trattati Ewropej

L-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ewropea Ġustizzja ma sabx li hemm xi forma ta' nuqqas fis-sistema ġudizzjarja fil-mod kif jinħatru l-imħallfin, għaliex qal li l-liġi Ewropa ma tipprekludix proviżjonijiet illi fihom l-Prim Ministru jilgħab rwol fil-proċess tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura. 

Kienet l-għaqda Repubblika li talbet deċiżjoni minn din l-istess qorti biex tiddeċiedi dwar jekk is-sistema kurrenti ta' ħatriet skont il-Kostituzzjoni Maltija hijiex ksur tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TEU).

Fl-opinjoni tiegħu l-Avukat Ġenerali Gerard Hogan qal illi l-fatt biss li l-imħallfin huma appuntati minn membru tal-Eżekuttiv ma jfissirx li din toħloq relazzjoni ta' subordinazzjoni mill-ġudikatura, lejn il-Gvern, jew tqajjem kwistjonijiet ta' imparzjalità.

Addizzjonalment huwa qal li hija bla sens li wieħed jiċħad li l-politika tilgħab parti mill-ħatra tal-ġudikatura f'ħafna sistemi legali, inkluż dawk f'ħafna stati membri tal-UE. 

'Dak li ridna ksibna' - Repubblika

Intant fi stqarrija Repubblika esprimiet it-tama li din l-opinjoni tmur lura fuq ġuriprudenza diġà stabbilita mill-Qorti Ewropea dwar l-indipendenza tal-ġudikatura. "Repubblika tittama li d-deċiżjoni aħħarija tal-Qorti Ewropea - li mistennija fi ftit xhur oħra - timxi fuq l-istess passi ta' sentenzi preċedenti.  Repubblika issa se tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li mbagħad tiġi segwita bid-deċiżjoni finali tal-Qorti f’Malta. Repubblika tittama li l-Qorti Ewropea tagħti l-istess piż lis-sitwazzjoni f'Malta bħalma diġà tat lis-sitwazzjoni fil-Polonja."

L-għaqda sostniet li diġà sodisfatta ferm li din il-kawża laħqet l-għan tagħha għaliex, skont hi, "xprunat riforma radikali fil-ħatra tal-ġudikatura f'Malta li twettqet is-sajf li għadda. Din ir-riforma neħħiet - darba għal dejjem - id-diskrezzjoni tal-Prim Ministru li jaħtar il-membri tal-ġudikatura. Dak li riedet Repubblika inkiseb."

More in Politika