Fl-Italja l-Milied jiġi (kważi) ikkanċellat ukoll hekk kif jitħabbar lockdown parzjali

Lockdown parzjali fl-Italja hekk kif il-każi jerġgħu jibdew jiżdiedu fil-Lombardija, Veneto u Lazio

Il-Gvern Taljan iħabbar lockdown parzjali
Il-Gvern Taljan iħabbar lockdown parzjali

L-Italja ordnat lockdown parzjali fl-aħħar sigħat għall-pajjiż kollu għal ħafna mill-vaganzi tal-Milied u dan biex titnaqqas iż-żieda kbira ta' każi ta' Covid-19 f'dan il-pajjiż, li fil-fatt kien mal-pajjiżi l-aktar milqutin ħażin minn din il-pandemija għal numru ta' ġimgħat. 

Il-PM Taljan Giuseppe Conte sejjaħ ir-restrizzjonijiet bħala "deċiżjoni li tweġġa" filwaqt li qal illi attivitajiet bejn il-familji u l-ħbieb jistgħu jerġgħu jżidu l-imxija tal-virus. 

"Il-virus qed jiċirkola kullimkien.  Nistgħu niġġildulu imma ma nistgħux nirbħulu," qal Conte li sostna illi l-esperti qed jibżgħu li l-kurva tal-pandemija tista' terġa' togħla fil-perjodu tal-Milied. 

Dawn il-miżuri ta' lockdown jiġu fil-kuntest illi l-Lombardija, Veneto u Lazio ireġistraw rata ta' trażmissjoni ta' aktar minn 1 wara ġimgħat ta' tnaqqis. L-Italja huwa l-pajjiż bl-ogħla rata ta' mwiet kaġun tal-pandemija b'67,900 vittma sal-Ġimgħa 18 ta' Diċembru. 

Il-miżuri se jidħlu fis-seħħ fil-21 ta' Diċembru u jibqgħu għaddejjin sas-6 ta' Jannar (L-Epifanija) u fost oħrajn se jfissru li r-ristoranti mhux se jkunu miftuħin, għalkemm jistgħu jsiru deliveries u take-aways, filwaqt li l-moviment bejn parti u oħra tal-Italja se jkun ristrett. 

Huma żewġ persuni biss li jistgħu jżuru ħbieb jew familja fi kwalunkwe ġurnata minn dawn. 

Restrizzjonijiet tħabbru wkoll fil-Ġermanja, curfew fi Franza, lockdown ta' ħames ġimgħat fl-Olanda u restrizzjonijiet ukoll f'Londra u Spanja. 

More in Politika