Il-vaċċin ta’ Pfizer: Il-fatti mill-istudji u minn ħalq il-professjonisti
Il-vaċċin fuq fomm kulħadd. Imma l-biża’ għadha reali. Għandna għaliex ninkwetaw? Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn studju li sar fost kważi 22,000 persuna li ngħataw il-vaċċin ta’ Pfizer – jiġifieri l-istess vaċċin li bdew jieħdu l-Maltin u l-Għawdxin ...
minn Albert Gauci Cunningham
Issa ilna nisimgħu dwar il-vaċċin u propju fl-aħħar jiem f’Malta bdew jitlaqqmu l-ewwel nies bil-vaċċin tal-Pfizer. Minkejja li ġurnal lokali irrapporta sondaġġ li juri illi 70% tal-poplu lest jieħu din it-tilqima kontra pandemija li ħarbtet il-ħajja tagħna – id-dubji u l-biżgħat għadhom jeżistu anke jekk iktar kemm jgħaddi żmien, iktar qed niskopru kemm huma bla bażi jew inkella lilhinn mill-proporzjonalitá li jixraqilhom.
Din il-gazzetta tat ħarsa lejn studju ppubblikat minn New England Journal of Medicine u li fuqu ħadmu elenku kbir ta’ xjentisti kif ukoll kummenti li għaddew paramediċi u professuri Ingliżi dwar il-vaċċin u s-sigurtá kif ukoll l-effikaċitá tiegħu.
Riżultati inkoraġġanti ħafna ...
Dan l-istudju li jismu ‘Safety and Efficacy of the BNT162b2 (il-vaċċin ta’ Pfizer) mRNA Covid-19 Vaccine’ jagħti riżultati pjuttost inkoraġġanti.
Mill-21,720 persuna li ħadu dan il-vaċċin kienu biss tmien persuni li fuqhom ma ħadimx. Huwa importanti li hawn nippreċiżaw li “ma taħdimx” jew “mhux effettiva” ma jfissirx li tagħmillek il-ħsara. Tfisser li ma tkunx effettiva jew daqstant effettiva fuq dik il-persuna.
Fil-fatt f’dawn it-tmien każi biss irriżulta li l-persuni xorta kellhom jew ħadu l-Covid-19 sa mill-inqas sebat’ijiem wara li ħadu t-tieni titqiba tal-vaċċin. Kien hemm ukoll biss każ wieħed ta’ “Covid-19 severa” minn fost dawk l-eluf li ħadu dan il-vaċċin, wara l-ewwel doża.
Ta’ min jgħid li l-vaċċin hawnhekk ingħata darbtejn, kif se jieħu kulħadd, b’interval ta’ 21 jum. Fost dawk li kienu parti minn din il-prova kien hemm ukoll persuni bl-HIV jew inkella Hepatatis B jew Ċ.
L-effikaċitá ta’ dan il-vaċċin seta’ jiġi nnutat fl-istess livelli għoljin ta’ 90% sa 100% fost l-etajiet, sess, razez, etniċitá, piż differenti u anke fost dawk b’kundizzjonijiet oħrajn.
Dan ifisser illi minn dan l-istudju r-rata totali ta’ effikaċitá kienet ta’ ftit biss inqas minn 100%. Dan meta Pfizer kienet qalet ukoll li r-rata ta’ effikaċitá hija ta’ 95%. B’mod ġenerali jfisser li fil-5% tal-każi oħrajn il-vaċċin jista’ jkun li ma jaħdimx.
Dan ir-rapport qed jagħti ħarsa lejn l-aħħar fażi, minn tlieta, fil-produzzjoni tal-vaċċin u baqa’ jeżamina lil dawk li kienu parti mill-provi sa xaharejn wara li jkunu ħadu t-tieni doża tal-vaċċin ta’ Pfizer.
X’nifhmu b’sigur?
Naturalment apparti minn jekk jaħdimx jew le, ħafna jinterssahom u qed jibżgħu fuq l-effetti tal-vaċċin, speċjalment fost dawk l-eluf li ilhom ħafna ma jieħdu vaċċin.
Fuq is-sigurtá tal-vaċċin, ix-xjentisti kollha u anke l-ovvju qed jitlaq minn punt wieħed: Kull vaċċin bħal kull mediċina u trattament mediku ieħor jista’ jkollu effetti fuq il-ġisem. Per eżempju l-kimoterapija tħalli effetti devastanti fuq il-ġisem, kif jaf kulħadd, imma l-benefiċċju tal-kimoterpija hija li dan il-proċess jeqred it-tumur fil-ġisem u persuna allura tkun tista’ tgħix għal żmien itwal, tgħix iktar komda jew saħansitra tfieq.
Mal-BBC il-Professur Stephen Evans mill-London School of Hygiene and Tropical Medicine qal hekk: “Jekk b’sigur qed tgħid li ma jkollokx effetti negattivi, mela l-ebda vaċċin u mediċina ma hi sigura. Li rrid infisser huwa li meta tpoġġi l-benefiċċji mal-effetti l-bilanċ bl-aktar mod ċar ixaqleb lejn il-benefiċċji.
U l-istudju jikkonferma li hemm effetti, imma li huma fil-biċċa l-kbira tal-każi, effetti żgħar jew medji.
Fatti li ħarġu mill-istudju ... inqas minn 1% b’effetti severi
B’kollox l-istudju fil-fatt sar ma’ 43,548 persuna li minnhom – kif diġa’ għidna 21,720 ħadu l-vaċċin filwaqt li 21,728 ingħataw il-placebo, jew trattament li kuntrarjament għall-vaċċin mhuwiex effettiv.
- Minn dawn kollha kienu biss 8,183 li kellhom xi forma ta’ sintomi, li l-maġġoranza tagħhom naturalment kien fost dawk li ħadu l-vaċċin u mhux il-placebo (għax fil-veritá dawn ma ħadu xejn effettiv)
- Minn dawn kienu inqas minn 1% li rrappurtaw effetti li jitqiesu severi, li għal fini ta’ dan l-istudju huwa tempertura tal-ġisem li tvarja bejn 38.9 u 40 Grad Celcius.
- 71% ta’ dawk li għandhom iktar minn 55 sena irrappurtaw xi forma ta’ wġigħ wara l-ewwel doża u 66% wara t-tieni. B’uġigħ hawn qed nirreferu għal uġigħ fiż-żona fejn tkun ħadt it-titqiba. Fost iż-żgħażagħ dan il-persentaġġ kien ogħla, b’83% li ħassew xi wġigħ wara l-ewwel doża u 78% wara t-tieni doża.
- L-aktar effetti komuni mbagħad kienu l-għejja u d-deni, b’59% u 52% ta’ dawk bejn is-16 u l-55 sena rispettivament isemmuhom wara l-ewwel u t-tieni doża. Kienu 51% tal-anzjani li semmewhom wara l-ewwel doża u 39% wara t-tieni doża.
- Il-każi ta’ effett sever kienu ftit fost dawk li ħadu l-vaċċin, bl-akbar persentaġġ ikun fl-għejja fejn 3.8% kellhom dan l-effett b’mod sever. Kienu 2% biss li kellhom deni sever minħabba li ħadu l-vaċċin.
- 16% tal-parteċipanti bejn is-16 u l-55 sena qalu illi kellhom riħ wara t-tieni doża u 11% tal-anzjani wieġbu l-istess. Kienu biss 0.2% ta’ dawk li ħadu l-vaċċin li rreġistraw temperatura bejn it-38.9 u l-40 grad Celcius wara l-ewwel doża u 0.8% wara t-tieni doża. Kien hemm żewġ persuni li rreġistraw effetti ta’ Grad 4 (l-agħar grad) jew inkella temperatura tal-ġisem aktar minn 40 grad celcius.
- Ħadd ma rriżulta li miet minħabba l-vaċċin. Waqt il-proċess mietu żewġ parteċipanti, minn affarijiet li ma kinux relatati mal-Covid -19 (attakk tal-qalb u problemi fl-arterji).
- Dawn l-effetti huma r-riżultat tal-ġisem li beda issa jħaddem dak il-vaċċin magħmul biex isaħħaħ il-ġisem tiegħek u jibni immunitá għall-virus. Dan huwa l-mod kif jaħdem kwalunkwe vaċċin ieħor.
X’inhuma l-effetti tal-vaċċin tat-TB?
It-titqiba tat-TB ingħatat lil ħafna tfal fi skejjel u allura se naraw x’inhuma ftit mill-effetti ta’ dan il-vaċċin. Dan sabiex nifhmu aħjar illi l-effetti ta’ vaċċin mhumiex uniċi għal tal-Covid-19. Anke titqiba li ħaduha eluf ta’ tfal b’mod mill-aktar sigur u effikaċi tista’ tħalli l-effetti tagħha:
- Disa’ minn kull 10 li jieħdu dan il-vaċċin ikollhom uġigħ jew inkella tibbies il-parti tal-id li fuqha jittieħed il-vaċċin
- Persuna minn 10 jista’ jkollha deni u riħ jew tiżviluppa ulċera fejn il-persuna ħadet it-titqiba li tista’ tweġġa’ u ddum ma titlaq
- Persuna minn kull 1,000 jista’ jkollha reazzjoni ħażina fil-ġilda jew anke infjammazzjoni fl-għadam