Malta Air thedded b'aktar tkeċċijiet wara li diġa' keċċiet 40 ħaddiem

Il-linja tal-ajru riedet tiffirma ftehim li kien jara lill-ekwipaġġ jaqla' paga bażika ta' €8,725

 

Malta Air - f'memorandum li bagħtet lill-ħaddiema u li din il-gazzetta rat - qed twissi illi f'dawk il-pajjiżi fejn ma ntlaħaqx qbil se jkollhom jitkeċċew aktar ħaddiema sal-aħħar ta' Jannar.  Dan jiġi wara illi Malta Air f'Diċembru diġa' keċċiet 40 membru tal-ekwipaġġ u poġġiet ir-responsabilità ta' dan fuq il-General Workers' Union, xi ħaġa li l-unjin irribattiet għaliha bil-qawwi. 

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM fakkru illi b'dak li qed tipproponi r-Ryanair, li tmexxi l-Malta Air, fil-Ftehim Kollettiv ta' Emerġenza l-ekwipaġġ kien se jibda jaqla' paga bażika ta' €8,725 - li fil-fatt huwa inqas mill-paga minima.

Aktar minn hekk, 75% tal-ħaddiema ta' Malta Air jinsabu fuq kuntratt definit u allura jistgħu saħansitra ma jkollhomx il-kuntratt imġedded. 

Fil-memorandum iffirmat minn Eddie Wilson, Kap Eżekuttiv ta' Ryanair, jintqal illi l-priorità tal-kumpanija bħalissa huwa li kemm jista' jkun tippriserva l-flus kontanti sabiex tissalvagwardja l-impjiegi.   Wilson ifakkar li l-kumpanija għandha ħlasijiet fuq self ta' €1.5 biljun u jilmenta illi ċerta pajjiżi - fosthom l-Irlanda - qed jimxu wisq bil-mod fil-programm tal-għoti tal-vaċċin.  Huwa lmenta wkoll illi l-kumpanija - li f'Malta rebħet sehem qawwi mis-suq - mhux qed tingħata għajnuna bħalma qed jingħataw linji nazzjonali. 

"Fejn ma ntlaħaqx ftehim, sfortunatament wieħed jista' jistenna tnaqqis fl-impjiegi," tgħid il-memo. 

 

More in Politika