‘Imdendlin! Ma nafux jekk hux se nispiċċaw barra t-triq’
Minn żmien għal żmien il-kwistjoni tal-kirjiet protetti ta’ qabel l-1995 terġa’ tqum hekk kif il-Qrati qed ikomplu jagħtu raġun lis-sidien u jisħqu li qed jinkisrulhom id-drittijiet tagħhom. L-ILLUM titkellem ma’ inkwilini li qed jgħixu f’inċertezza...
minn Yendrick Cioffi
“Irċevejna ittra mis-sid biex fi żmien ġimgħa noħorġu. Minn kien għalih dak il-ħin tajnih iċ-ċwievet.” Hekk qalu mal-gazzetta ILLUM inkwilini li ilhom kważi 50 sena jgħixu f’appartament u li f’daqqa waħda s-sid iridu lura.
L-ILLUM tkellmet ma’ din il-familja u anke persuni oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni hekk kif sentenza wara l-oħra tal-Qrati qed jagħtu raġun lis-sidien li qed jisħqu li l-liġi li tipproteġi l-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995 (aqra l-kaxxa bl-informazzjoni) qed tikser id-dritt tagħhom li jgawdu l-propjetà li huma sidien tagħha u dan kif stabbilit fil-Kostituzzjoni u anke fil-Konvenzjoni Ewropea.
Dan wassal biex wara xhur, anke l-mexxejja politiċi qed jitkellmu dwar din il-kwistjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għamel referenza għal din l-isfida waqt attività politika fil-Mosta fejn stieden lill-Prim Ministru biex ipoġġi bilqiegħda flimkien u jsibu soluzzjoni, filwaqt li l-Prim Ministru tkellem dwarha nhar it-Tnejn waqt laqgħa tal-kabinett fil-Fgura u wiegħed lil dawn l-inkwilini li l-Gvern mhux se jħallihom waħedhom.
L-inkwilini li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif ilhom jgħixu fir-residenza inkwistjoni għal dawn l-aħħar 50 sena. Fil-fatt huma kienu jgħixu ma’ ommhom li ġiet nieqsa tliet snin ilu.
“Qatt ma kellna problema. Iżda ftit tax-xhur ilu rċevejna karta li rridu noħorġu minn hawn,” spjegatilna din il-mara li tgħix ma’ ħuha, ta’ 64 sena, fl-istess residenza.
Insitiet li qatt ma kellhom problema bil-ħlas tal-kera u dejjem ħallsu lis-sid fil-ħin.
“F’daqqa waħda ma riedx jaċċetta aktar il-kera. Fi żmien ġimgħa ridna noħorġu. Ried iċ-ċwevet,” kompliet tirrakkonta, anke jekk dan huwa ‘l bogħod minn dak stabbilit fil-liġi (aqra l-kaxxa bl-informazzjoni).
Fil-fatt jidher li mhux huma biss għaddejin minn din l-isfida hekk kif fi kliemha hemm persuni oħra fl-istess blokka, inkluż żewġ anzjani li għandhom ‘il fuq minn 70 sena li ntalbu jitilqu u ma jafux fejn se jaqbdu jmorru jew inkella x’se jagħmlu bl-għamara u l-affarijiet kollha li għamlu mas-snin.
Bħalma qed jiġri f’ħafna mill-każi, il-każ ta’ dawn iż-żewġt aħwa jinsab imdendel quddiem il-Qorti, bil-proċeduri saħansitra twalu aktar minħabba l-pandemija.
“Bħalissa imdendlin. Il-ħin kollu naħseb fuq l-istess ħaġa. Ma nafux jekk hux se nispiċċaw barra fit-triq,” temmet tgħidilna.
Minn €200 fis-sena għal €400 fix-xahar
L-ILLUM iltaqgħet ukoll ma’ persuna oħra, li tkellmet f’isem ħutha anzjani, waħda minnhom b’diżabbilità.
Għall-kuntrarju tal-każ imsemmi aktar qabel, dawn iż-żewġt aħwa mhux jintalbu jitilqu mill-appartament iżda s-sid irid li jżidilhom il-kera u mhux bi ftit.
Fil-fatt, din il-persuna spjegat mal-ILLUM kif ħutha kienu jħallsu madwar €200 fis-sena iżda minkejja li l-kirja tagħhom hija protetta (għax anke huma kienu ilhom snin twal jgħixu ma’ ommhom f’dan l-appartament), ftit ilu rċevew ittra u s-sid issa qed jitlobhom biex iħallsu €400 fix-xahar.
Il-liġi hija ċara u tonda. Ġaladarbna l-kirja hija protetta, is-sidien ma jistgħux jgħollu l-prezz tal-kera kif iridu anke jekk dan ma jkunx rifless tal-prezz tas-suq.
“Oħti fetħet u sabet din l-ittra. €400 fix-xahar mhux ċajta. Din vulnerabbli. Setgħet spiċċat il-qabar bl-inkwiet. Tkun ilek snin tgħix f’dar u ssib ittra hekk ma’ wiċċek,” kompliet tirrakkontalna. “Kirja hekk ma jaffordjawhiex.”
L-ILLUM ilha snin issegwi din il-kwistjoni. Fil-fatt, fl-2019, kienet staqsiet lill-Ministru ta’ dak iż-żmien, Owen Bonnici, x’se jagħmel il-Gvern biex jirrimedja.
Huwa kien insista kif minkejja li l-Qorti, f’każi separati, tat raġun lis-sidien, is-sentenzi kollha jinsabu fi stadju ta’ Appell. Għalhekk kien saħaq li l-Gvern se jkun qed jistenna d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Appell qabel jiddeċiedi jekk hux se jemenda din il-liġi.
X’tgħid il-liġi tal-kera fuq il-kirjiet ta’ qabel l-1995?
Skont il-liġi, il-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 huma protetti u għalhekk l-inkwilini għandhom id-dritt li jibqgħu jgħixu fl-istess proprjetà sakemm jonoraw l-obbligi kollha tagħhom, inkluż il-ħlas tal-kera fil-ħin.
Peress li dawn il-kirjiet huma protetti, is-sidien ma jistgħux jgħollu l-prezz tal-kera kif iridu anke jekk dan ma jkunx rifless tal-prezz tas-suq.
Apparti minn hekk, dawn il-kirjiet jistgħu jintirtu minn iben/bint/ulied l-inkwilini imma għal darba waħda biss. Biex dan iseħħ, l-ulied iridu jkunu jgħixu fil-proprjetà mikrija meta tiġi nieqsa l-persuna (l-omm jew il-missier).
…U dawk ta’ wara l-1995?
Għall-kuntrarju, fil-każ tal-kirjiet kollha li saru wara l-1 ta’ Ġunju tal-1995, is-sidien għandhom dritt ma jġeddux il-kera meta jagħlaq il-perjodu miftiehem fuq il-kuntratt tal-kera jew f’nuqqas ta’ kuntratt, malli jgħaddi l-perjodu tal-ħlas tal-kera kif miftehma.
2009: Il-Gvern jibda jipprova jirrimedja:
L-emendi li ddaħħlu fis-seħħ fl-2009 ma kinux maħsuba biss biex jinħoloq bilanċ bejn l-interess tas-sid u dak tal-inkwilini iżda anke biex is-sid ikollu xaqq ta’ tama li xi darba se jerġa’ jieħu pussess tal-proprjetà tiegħu.
Fost oħrajn, għal dawk il-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, ir-rata tal-kera dovuta minn wara l-1 ta’ Jannar tal-2010 kellha titla’ għal €185 fis-sena.
F’każ fejn ir-rata ta’ kera kienet diġà aktar minn €185 fis-sena, ir-rata kellha tibqa’ bir-rata diġà stabbilita.
Ir-rata tal-kera kellha mbagħad tibda tiżdied kull tliet snin b’mod proporzjonali skont l-indiċi tal-inflazzjoni.
Kienu dawn l-emendi li stabbilixxew ukoll, fost oħrajn, li dawn il-proprjetajiet jistgħu jintirtu minn iben/bint/ulied l-inkwilini għal darba waħda biss, jekk dawn ikunu ilhom jgħixu fil-fond mikri għal ħames snin konsekuttivi sal-2008.
Aktar emendi…
Fl-2018, il-Gvern daħħal fis-seħħ emendi fl-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ kirjiet antiki li jkunu ġejjin minn ċnus u li huma wkoll suġġett ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Gvern kien spjega li qed jagħmel dan biex joħloq bilanċ bejn id-drittijiet tas-sid ta’ dar residenzjali u ta’ dak li jikri u li jkollu bżonn il-protezzjoni għax ikun spiċċa mhedded bi żgumbrar minħabba dawn il-kwistjonijiet legali.
Fi ftit kliem, l-emendi jgħidu li s-sid se jkun jista’ jagħmel talba quddiem il-Bord tal-Kera biex isir test tal-mezzi tal-inkwilin.
Jekk l-inkwilin ma jkollux mezzi u riżorsi biex isib akkomodazzjoni oħra, ikun intitolat li jibqa’ jgħix fir-residenza mikrija iżda joqgħod għall-kundizzjoni tas-sid li jista’ jgħolli l-kera għal ammont ta’ 2% tal-valur tal-proprjetà.
Mill-banda l-oħra, jekk mit-test tal-mezzi jirriżulta li l-inkwilin ikollu biżżejjed mezzi biex isib akkomodazzjoni oħra, dan jingħata ħames snin ċans biex joħroġ filwaqt li jkollu jħallas kera doppja.
Medjazzjoni qabel każ il-Qorti
Apparti minn hekk, f’Settembru tas-sena li għaddiet, il-Gvern ippubblikati erba’ avviżi legali li l-ħsieb warajhom huwa li ssir medjazzjoni wkoll qabel ma jsiru kawżi b’rabta ma’ kirjiet li bdew qabel Ġunju tal-1995, quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera.
Dan il-proċess ta’ medjazzjoni se jkun imħallas kollu kemm hu mill-Gvern.
Hekk, iż-żewġ partijiet jipprovaw isolvu l-kwistjoni bejniethom u jippruvaw jaslu għall-ftehim qabel ma jieħdu dan il-każi quddiem il-Qorti, proċess li jfisser spejjeż u dewmien.