70% żieda fil-persuni bla dar fl-UE matul aħħar 10 snin

Il-Parlament Ewropew b’ħidma biex jinqered il-faqar relatat mal-akkomodazzjoni (housing) madwar l-Unjoni Ewropea sal-2030. X'qed jipproponu eżatt l-MEPs fir-riżoluzzjoni tagħhom?

70% żieda fin-nies bla dar fl-UE
70% żieda fin-nies bla dar fl-UE

Skont il-Parlament Ewropew in-numru ta’ nies li sfaw bla saqaf fuq rashom f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdied b’70% fl-aħħar 10 snin. 

Il-Membri tal-Parlament Ewropew adottaw b’352 vot favur, riżoluzzjoni  li titlob lill-UE tirrikonoxxi l-aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u bi prezz raġonevoli bħala dritt inforzabbli tal-bniedem u biex timbotta għal miżuri biex jinqered dan it-tip ta' faqar.

 L-istess riżoluzzjoni titlob għal djar diċenti li jinkludu aċċess għal ilma nadif u ta’ kwalità tajba.  Ġie mfakkar li akkomodazzjoni adegwata hija dritt fundamentali tal-bniedem u li dan id-dritt għandu jiġi dejjem mħares bil-liġi Ewropea u dik nazzjonali. 

Il-Membri tal-Parlament Ewropew qalu li bosta nies qed jitilfu darhom minħabba li l-ispejjeż tad-djar qed jiżdiedu, iżda l-benefiċċji soċjali madwar l-UE qed jitnaqqsu jew agħar, jiġu sospiżi. 

Li wieħed ma jkollux saqaf fuq rasu titqies bħala waħda mill-aktar forom severi ta’ faqar, ikkawżata minn taħlita ta’ fatturi strutturali, istituzzjonali u personali. 

Dar tkun kkunsidrata affordabbli jekk il-baġit li jifdal lill-okkupant huwa biżżejjed biex ikopri spejjeż essenzjali oħra, sabiex jgħix ħajja diċenti. 

Il-Parlament Ewropew jirrapporta ukoll li aktar minn kwart tal-kerrejja Ewropej f'akkomodazzjoni kummerċjali jonfqu persentaġġ għoli tad-dħul tagħhom fuq il-kera, bil-kirjiet medji jiżdiedu kontinwament matul is-sena.

Ir-riżoluzzjoni li tgħid illi sal-2030 in-numru ta’ nies mingħajr djar mhux talli jonqos anzi jiġi null, qed issegwi t-talba li għamel il-Parlament Ewropew stess lura f’Novembru 2020. 

Iddikriminalizzaw persuni bla saqaf!

F’din ir-riżoluzzjoni l-MEPs talbu lill-Istati Membri biex jiddikriminilizzaw persuni bla saqaf fuq rashom u minflok jipprovdu aċċess ugwali għal servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, u s-servizzi soċjali. 

Fil-preżent, l-MEPs qed jitolbu wkoll lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jistabbilixxu dispożizzjonijiet legali biex jipproteġu d-drittijiet tal-inkwilini u s-sidien/okkupanti. 

Ċerti MEP’s qed iħeġġu wkoll li jiġu introdotti rekwiżiti mandatorji għal djar abitabbli fuq livell ewropew li jinkludu kwalità ta’ arja ta' ġewwa b'saħħitha u allineata mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Qed jiġi mitlub ukoll li l-Istati Membri jagħtu priorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet u spinta lill-effiċjenza fl-enerġija permezz tar-rinnovazzjoni fil-qasam tad-djar.

Barra minn hekk, ġiet emfasizzata l-importanza li jinżammu miżuri li jipproteġu l-persuni bla dar fil-kriżi tal- COVID-19, speċjalment meta wieħed iqis l-iżgumbramenti li qed isiru. 

Fl-aħħarnett, il-Membri Parlamentari Ewropej tkellmu fuq kif kiri għal perjodu qasir ta’ akkomodazzjoni għal vaganzi qed ineħħi d-djar mis-suq u jikkawża żieda fil-prezzijiet,  xi ħaġa li tista' tagħmel l-għixien f'ċentri urbani u turistiċi aktar diffiċli.


Housing fl-UE:  Fatti u Figuri

  • Fl-aħħar tliet snin il-prezzijiet tad-djar fl-UE żdiedu b'medja ta' 5%
  • In-nefqa fl-ispiża soċjali tal-Gvernijiet Ewropej tirrapreżenta biss 0.66% tal-GDP Ewropew
  • Housing mhux adegwat qed jiswa lill-ekonomiji Ewropej €195 biljun fi spejjeż ta' saħħa, servizzi soċjali u telf ta' produttività (Studju Eurofund)

More in Politika