Id-Deputat PM Chris Fearne ħabbar illi nhar il-Ħadd li ġej f'Malta se tasal l-ewwel doża tal-vaċċin AstraZeneca. Huwa qal illi dan se jwassal biex "il-programm ta' vaċċin li fassal il-Gvern jiġi aċċellerat."
Fearne qal - waqt konferenza tal-Aħbarijiet illi matulha ġie mfakkar il-Jum Dinji kontra l-Kanċer - illi din l-aċċellerazzjoni se twassal biex mill-ġimgħa d-dieħla persuni b'mard kroniku jibdew jirċievu l-appuntamenti. Fearne fakkar li in-numru ta' nies b'mard kroniku huma ħafna u allura appella biex ħadd ma jinkwieta jekk ma jirċevix l-ittra l-ġimgħa d-dieħla, għax dan ikun ifisser li se jirċievu l-appuntament fil-ġimgħat ta' wara. Huwa spjega wkoll li mill-bieraħ il-Gvern beda l-proċess ta' vaċċinazzjoni għal dawk ta' aktar minn 80 sena.
Il-Ministru tas-Saħħa temm jgħid illi l-proċess ta' vaċċinazzjoni qed ikompli jiżdied, b'2,000 doża mogħtija llum għal total ta' 34,000 doża mogħtija sa issa.