F’inizjattiva tal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA), bdew diskussjonijiet mal-kunsilli lokali għal ħidma konġunta biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kits biex ikun frankat l-użu tal-ilma.
“Flimkien mal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, qed naraw kif nikkontrollaw il-ħela tal-ilma. Dan jorbot mal-politika tagħna li jkollna effiċjenza anke fl-użu tal-ilma. L-Aġenzija diġà daret numru ta’ lokalitajiet u se tkompli għaddejja b’din il-ħdima fil-jiem u fix-xhur li ġejjin”, spjegat il-Ministru Dalli waqt żjara fil-mobile unit taż-Żurrieq. “Qed naħdmu biex niffaċilitaw l-aċċess għan-nies, speċjalment dawk li ma jlaħħqux jiġbru l-kit tal-ilma mill-istand tal-Aġenzija meta din tkun fil-lokalità tagħhom. Għalhekk qegħdin f’diskussjonijiet mal-Assoċazzjoni tal-Kunsilli Lokali”.
Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet, l-irwol tal-kunsilli lokali f’din il-kampanja jiżdied. L-għan huwa li l-kunsilli jipprovdu għajnuna fit-tqassim billi jagħtu spazju addizzjonali fil-binja tal-kunsill lokali stess minn fejn ir-resident ikun jista’ jiġbor dawn il-kits anke ftit żmien wara li l-mobile unit ikun mexa lejn lokalità oħra.
Din l-inizjattiva se tibda b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u tkompli m’għadd ta’ kunsilli lokali oħra li se jkunu qed jilqgħu l-kampanja ‘L-ILMA – Ibda Minnek’ fix-xhur li ġejjin.
Il-kampanja mmexxija mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, hi mifruxa fuq tliet snin bil-għan li teduka dwar il-konservazzjoni tal-ilma. Apparti milli twassal messaġġi edukattivi, l-Aġenzija qed tqassam għodda li tista’ titwaħħal ma’ apparati tal-ilma fid-dar biex jonqos il-konsum tal-ilma.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Ilma fi ħdan l-Aġenzija, Michael Schembri, tkellem dwar l-importanza ta’ din il-kampanja edukattiva, b’diversi attivitajiet li qed isiru permezz tagħha, li se tilħaq lil kulħadd matul dawn is-snin sabiex tkompli tqajjem iktar kuxjenza fuq livell nazzjonali dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma u l-apprezzament lejn din ir-riżorsa naturali importanti imma kemxejn skarsa fuq gżira bħal Malta.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima spjegat li l-kunsill qed jikkollabora mal-Aġenzija biex ikun aċċertat li r-residenti jkunu jistgħu jirċievu din il-kit.