Il-President iħabbar konferenza għall-għaqda nazzjonali għall-aħħar ta' Frar

Il-konferenza se titratta diversi temi u żżomm 'il bogħod mill-partiġjaniżmu

George Vella, President ta' Malta
George Vella, President ta' Malta

Il-President tar-Repubblika George Vella ħabbar l-oraganizzazzjoni ta' konferenza ta' Għaqda Nazzjonali, li fil-fatt kien wiegħed meta inħatar fil-kariga. 

Din il-konferenza ser issir nhar is-27 ta' Frar fil-Palazz Verdala, b'panel immexxi minn Reno Bugeja, li se jkun qed jagħmel il-mistoqsijiet lill-kittieb u eks Editur tat-Torċa Aleks Farrugia, il-Pro-Rettur fl-Università ta' Malta Carmen Sammut, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb, id-Dekan tal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali Andrew Azzopardi u l-Professur Simone Borg. 

F'konferenza tal-aħbarijiet il-President Vella qal illi n-nuqqas ta' għaqda tħassbu u li issa wasal iż-żmien biex niskopru dak li jgħaqqadna.  "Ninsisti li għandna inkunu magħqudin fuq ċerti kwistjonijiet," qal il-President li sostna illi l-avveniment li ħabbar illum jeħtieġ ikun kemm jista' jkun 'il bogħod mill-politika partiġġjana.

Il-President qal illi l-pandemija Covid-19 sfurzatna f'perjodu ta' riflessjoni ispirata minn sens ta' solidarjetà ma' dawk milqutin mill-virus, kif ukoll rispett lejn il-frontliners u r-realizzazzjoni li l-ħaddiema barranin, "huma ħafna iktar importanti milli konna nemmnu." 

Vella kien diġa' sostna li hemm bżonn jonqos l-abbuż verbali fuq il-midja soċjali.  "Tista' tikkritika imma b'mod kostruttiv, mhux distruttiv," kien qal il-Kap tal-Istat Malti. 

Il-President appella wkoll għal ton u vokabularju li jixraq lill-kariga mingħand id-Deputati. 

Vella temm iħabbar li d-diskussjoni waqt il-konferenza se tkopri diversi kwistjonijiet li jħassbu lill-poplu, fosthom it-tnaqqis fl-użu tal-lingwa Maltija u n-nuqqas ta rispett lejn l-ambjent. 

 

More in Politika