Mingħajr ma daħal fil-mertu ta din is-sentenza dwar John Bundy, l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mid-Deputat Joe Ellis sostna li ma jistax ma jagħtix każ tal-fatt illi "din is-sentenza qed tikxef bosta istanzi ta' tmexxija inadekwata tal-kumpanija li la huma aċċettabli fis-settur privat u wisq anqas fis-settur pubbliku."
Iktar kmieni din il-ġimgħa it-Tribinal Industrijali iddeċieda li t-tkeċċija ta' Bundy minn Kap Eżekuttiv tal-PBS kienet inġusta u talbet li jitħallas €226,000 f'danni.
Ellis fakkar li fil-perjodu li fih Bundy kien Kaap Eżekuttiv il-PBS ingħata mill-fondi pubbliċi €4.05 miljun bħala Public Service Obligation, €3.27 miljun minħabba l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u €2 miljuni biex jorganizza l-Junior Eurovision. "Għaldaqsant, mhux aċċettabli illi l-proċeduri tax-xiri ma jkunux kif stabbilit mil-liġi u dan sabiex jassiguraw li flus il-poplu jintefqu bl-aħjar mod u kif suppost," tkompli l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista temm jawgura illi l-PBS tgħallem minn dan l-episodju u li llum hemm fis-seħħ sistemi robusti li ma jippermettux ripetizzjoni ta’ episodji "ta’ tberbiq ta’ flus u nuqqas ta’ osservanza ta’ proċeduri tax-xiri."
Il-Partit Nazzjonalista awgura wkoll fl-istqarrija li d-deċiżjonjijiet editorjali tal-PBS ma jiġux kundizzjonati minn interessi kummerċjali ta’ terzi u li dejjem jibqa’ fidil lejn l-mission statement tiegħu bħala stazzjon tan-nazzjon kollu.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viġilanti ħalli jassigura li l-operat tal-PBS isir bl-akbar trasparenza u mingħajr indħil li m’għandux ikun.