Id-Dar tal-Providenza ħabbret illi minkejja li tapprezza l-ġest tal-CATCO Group permezz ta' donazzjoni mgħoddija mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kienet tlaħħaq il-€500,000 - hi mhix se taċċetta dawn il-flus. Dan wara li l-Grupp in kwistjoni ma riedx jgħaddi dettalji lill-kumpanija ta' awditjar, li kienet qed tagħmel analiżi ta' minn fejn kienu ġejjin dawn il-flus, minħabba id-daqs tad-donazzjoni.
Il-kumpanija CATCO ma għandhiex sehem f'Malta, l-ebda sehem fil-fatt u lanqas topera hawnhekk għajr għal sponsorship lit-tim tal-futbol ta' Tas-Sliema. Il-kumpanija hija bbażata t-Tuneżija u topera fil-qasam taż-żejt, gass u karozzi fl-Afrika u fi Lvant Nofsani. L-isponsorship li wiegħed il-grupp CATCO baqa' ma wasalx bit-tim tal-futbol ta' Tas-Sliema jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji kbar bħala konsegwenza.
Meta mistoqsi dwar id-donazzjoni li kien għamel u jekk kienx jaf dwar il-kumpanija u x'interess seta' kellha li tgħaddi dawn il-flus, Delia kien qal biss li hu kien qed ifittex kumpaniji li reġistrati jew imħajrin jiġu pajjiżna, sabiex dawn jagħtu d-donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza. Huwa kien qal illi malli sar jaf b'dan il-grupp, talab biex jara jistgħux jagħtu l-għajnuna.
Meta n-negozjant Tuneżin li jmexxi l-Grupp, Fisal Abdullah Alokla, kien mistoqsi dwar r-rabta bejn din il-kumpanija u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista hu kien qal li ħaseb li Delia kien il-Kap tad-Dar tal-Providenza, "u kieku kont naf li kien imexxi l-oppożizzjoni ma kontx nippermettiha mill-bidu."