Jinstabu 16-il każ ieħor tal-varjant Ingliż tal-Covid-19

Dan ifisser li b'kollox f'Malta nstabu 31 każ ta' dan il-varjant Ingliż tal-Covid-19 li jinxtered aktar malajr mill-virus normali

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li f'Malta nstabu 31 każ tal-varjant Ingliż tal-Covid-19, liema varjant għandu 70% aktar impatt fuq it-trasmissjoni tal-virus.

Dan ifisser li mill-ġimgħa li għaddiet 'l hawn, il-każi tal-varjant f'Malta żdiedu, hekk kif fl-aħħar bulettin mediku, Gauci kienet spjegat kif l-awtoritajiet tas-saħħa kienu sabu 12-il każ ieħor tal-varjant, wara li kienu nstabu l-ewwel tliet każi f'Diċembru.

Dan ifisser li fi tmiem il-ġimgħa, irriżulta li kien hemm 16-il każ ieħor tal-varjant Ingliż tal-Covid-19. Dawn il-każi għadhom qed jiġu investigati biex ikun magħruf jekk dawn humiex marbuta ma' safar fuq barra.

Gauci qalet dan waqt li kienet qed tiġi intervistata fuq il-programm TVAM dalgħodu.

Madanakollu kkonfermat li s’issa m’hawn ebda każ tal-varjant Brażiljan u lanqas dak mill-Afrika t’Isfel.

Gauci rrimarkat ukoll kif sa issa, din is-sena, kien hawn inqas mard, inkluż irjieħat u dan juri kemm ħafna qed isegwu l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa u kemm hu effettiv il-ħasil tal-idejn regolari u l-użu tas-sanitizers, mhux biss għall-Covid-19.

Ikkonfermat ukoll kif bħalissa, f'Malta, hawn 7,700 persuna fi kwarantina.

More in Politika