Filmat | 'Ma nirrispondix' - Konrad Mizzi għal kull mistoqsija ta' Delia fil-każ tal-VGH
Illum kompla l-każ li fetaħ Adrian Delia biex ikun iddikjarat null il-ftehim tal-Gvern mal-VGH
More in Politika
Illum kompla l-każ li fetaħ Adrian Delia biex ikun iddikjarat null il-ftehim tal-Gvern mal-VGH
L-eks Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi għażel li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia hekk kif illum tela' jixhed fil-Qorti fil-każ li l-istess Delia fetaħ biex ikun iddikjarat null il-ftehim tal-Gvern mal-VGH.
Madanakollu, is-seduta spiċċat kważi kważi 'farsa' meta Konrad Mizzi għażel li ma jweġibx għall-ebda mistoqsija li saritlu.
Stqarrija tal-Onor. Konrad Mizzi Illum fil-Qorti tajt din l-istqarrija taħt ġurament fil-każ ta' Adrian Delia kontra...
Posted by Konrad Mizzi on Monday, 8 February 2021
Mizzi insista li jippreferi ma jwieġeb xejn anke għax dwar l-istess suġġett għaddejja inkjesta maġisterjali u li fiha hu diġà xehed.
'Ladarba din l-inkjesta tiġi konkluża, jiena inkun feliċi li nkompli nagħti x-xhieda tiegħi fil-kawża ta' Adrian Delia,' insista Mizzi fi stqarrija.
Edward Debono, l-Avukat ta' Delia, pprova xorta waħda jpoġġi sensiela ta' mistoqsijiet lil Mizzi iżda l-eks Ministru baqa' ma jweġibx.
Qal biss: 'Ma għamilt xejn ħażin. Nippreferi ma nweġibx biex ma nikkriminalizzax lili nnifsi." Saħanistra qal li qed iħoss li d-drittijiet fundamentali tiegħu qed jiġu miksura.
Jinsisti li kollox sar bl-approvazzjoni tal-kabinett
Mistoqsi mill-ġurnalisti malli ħareġ mill-Qorti, Konrad Mizzi insista li l-affarijiet saru sew u dejjem kien hemm l-approvazzjoni tal-Kabinett.
Tenna li bħalissa għaddejja inkjesta maġisterjali u lest jixhed biss wara li din tkun konkluża.
Iżda jekk Konrad Mizzi għażel li jibqa' sieket, qablu xehed Ronald Mizzi, li kien Segretarju Permanenti tiegħu meta hu kien Ministru għas-Saħħa.
Tul ix-xhieda ħareġ li kollox jindika li kien Konrad Mizzi waħdu li rabat lill-Gvern bil-klawżola ta' €100 miljun li għandhom jirċievu Steward Healthcare f'każ li l-konċessjoni titħassar, inkluż b'ordni mill-Qorti.
Ronald Mizzi insista li kien it-tim legali tal-Ministeru biss li kien involut fin-negozjati bejn Steward u l-Bank of Valletta.
Madanakollu l-istess Ronald Mizzi deher li ma kellu l-ebda idea dwar din il-klawżola kontroversjali.
Qal biss li l-BOV kellu ftit tħassib dwar dan il-każ u x'kien se jiġri f'każ li l-Qorti tiddikjara dawn il-kuntratti nulli jew inkella jinbidel il-Gvern u jwaqqaf il-konċessjoni. Kien għalhekk, li fi kliem Ronald Mizzi, il-bank ried aktar assigurazzjoni.
Mistoqsi minn Delia min seta' kien jaf b'din il-klawżola, Ronald Mizzi qal li ħadd inqas mill-pożizzjoni tiegħu ma kien involut fin-negozjati.
Aktar tard, meta tpoġġew quddiemu aktar mistoqsijiet, qal li sar jaf bil-klawżola meta rċieva memo mill-Kabinett.
Aqra aktar: