92% tal-ħut fil-Mediterran għadu qed jinqabad f'ammonti kbar li mhumiex sostenibbli u li jaqbżu dak li jissejjaħ il-Maximum Sustainable Yield (MSY). Din hija saħansitra żieda fil-persentaġġ ta' ħut li fuqu sar sajd żejjed (overfishing) mill-2017, meta dan il-persentaġġ kien ta' 62.5%. Dan minkejja illi l-Unjoni Ewropea kienet iddeċidiet fuq obbligu legali li jitwaqqaf is-Sajd Żejjed sas-sena 2020.
Dawn iċ-ċifri jirriżultaw fil-fatt minn waħda mill-emendi li l-Parlament Ewropew permezz tal-Kumitat tas-Sajd qed iressaq 'il quddiem għall-Istrateġija tal-UE għall-Biodiversità: Inġibu lin-natura lura f'ħajjitna'. Din l-istrateġija għandha l-għan illi tpoġġi lill-biodiversità Ewropea lura fit-triq tal-irkupru sal-2030 billi tibni reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima, nirien f'foresti u n-negozju illegali tal-annimali slavaġ.
Minkejja s-sitwazzjoni fil-baħar ta' madwarna l-MEPs fil-Kumitat jinnotaw fl-istess emenda kif fil-Grigal tal-Atlantiku kien hemm żieda ta' 50% fl-ammont ta' ħut f'10 snin, minħabba tnaqqis fis-sajd żejjed.
Għalhekk l-MEPs qed jipproponu li għandha titpoġġa mira Ewropea illi mill-inqas 30% tal-ħajja marittima tkun protetta sal-2030. Għalhekk ipproponew emenda f'din l-istrateġija li permezz tagħha qed jisħqu dwar l-importanza kbira "li jintlaħaq mudell ta' sajd li jirrifletti bilanċ bejn id-dimensjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi."
L-MEPs ta' dan il-Kumitat din il-ġimgħa wkoll innutaw li din id-diskussjoni jeħtieġ issir fid-dawl tal-fatt li numru ta' speċi aljeni qed jidħlu fl-ibħra Ewropej u l-popolazzjoni tagħhom qed tikber minħabba li ma għandhomx għedewwa naturali.
L-importanza tal-involviment tas-sajjieda
L-MEPs jemfasizzaw fl-emendi li ressqu din il-ġimgħa dwar il-bżonn li fit-tfassil taż-żoni marittimi protetti jkunu dejjem involuti s-sajjieda għaliex l-aċċettazzjoni tagħhom f'dan il-proċess "huwa kruċjali għas-suċċess taż-żoni marittimi protetti. Is-sajjieda jeħtieġ ikunu wkoll involuti fil-preparazzjoni u l-immaniġġjar ta' dawn iż-żoni protetti," tgħid l-emenda tal-MEP Olandiż Peter Van Dalen.
Emenda oħra kienet dik illi fiha l-MEP Anja HazeKamp tfakkar illi meta ż-Żoni Marittimi Protetti jkunu ta' suċċess, dawn joffru benefiċċji kbar soċjo-ekonomiċi, speċjalment għall-komunitajiet kostali - li minnhom Malta għandna bosta. Dan apparti, naturalment, li dawn iż-żoni jgħinu għar-riproduzzjoni tal-ħut, xi ħaġa neċessarja jekk irridu li jibqa' jkollna ħut frisk - ikla meqjusa nutrittiva - fuq il-platt.
Huma appellaw ukoll biex il-Kummissjoni Ewropea tkompli tappoġġja pjanijiet għat-titjib ta' ċerti speċi u biex jitnaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi marittimi. Huma qed isejħu wkoll lill-pajjiżi, bħat-Tuneżija, fil-każ ta' Malta per eżempju, biex huma wkoll jagħmlu moniteraġġ tar-riżorsa tal-ħut biex tkun assigurata ekosistema sana f'abitati marittimi tagħhom.
Huma temmew jisħqu li l-UE għandha tkun fuq quddiem fil-governanza tal-oċeani, ladarba ma tistax tippriserva u tirrestawra l-biodiversità tad-dinja.
Is-Sajd Żejjed fil-baħar ta' madwarna
- Il-flotta Mediterranja hija ta' madwar 82,000 opra tal-baħar, bi 80% jkunu opri żgħar
- Is-sajd iħaddem madwar 314,000 persuna fir-reġjun Mediterranju
- Madwar 800,000 tunnellata f'qabdiet jiġu rrappurtati, l-aktar fil-punent tal-Mediterran u fl-Adrijatiku
- L-istokk tal-ħut qed jonqos speċjalment minħabba attività kkonċentrata ta' attività umana
- Fil-Mediterran hemm traffiku kbir marittimu, speċjalment lejn Malta (nofsinhar ta' Sqallija) u l-Baħar Alboran
- Hemm tnaqqis fil-popolazzjoni ta' ċerti predaturi, bħall-kelb il-baħar, li jżommu l-bilanċ
- 9% tal-istokks tal-ħut biss mhux qed isir sajd żejjed fuqu