Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis f'kummenti mal-gazzetta ILLUM sostna illi minkejja li s-sistema ġudizzjarja f'Malta hija imparzjali u ta' kwalità għad hemm problemi fl-effiċjenza. Huwa qal illi llum pajjiżna għandu l-aktar sistema b'saħħitha ta' checks and balances, wara ħemel ta' bidliet li tħabbru fir-riforma tal-qasam - b'mod speċjali fl-aħħar xhur.
Huwa kien qed jikkumenta fid-dawl tal-ħatra ta' tmien ġudikanti ġodda u stqarrija mill-Assoċjazzjoni għall-Imħallfin u Magistrati ta’ Malta dwar dan.
Ifakkar illi fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u anke dik tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll fil-Qorti Internazzjonali Kriminali kien hemm imħallfin Maltin li servew. "Pero fejn tidħol effiċjenza, hemmhekk iva għadna lura. U anke hawnhekk, mhux is-sezzjonijiet kollha tal-Qorti."
Huwa qal illi jekk wieħed iħares lejn il-Qorti tal-Appelli Ċivili Inferjuri jara illi hemm tnaqqis fin-numri ta' kawżi u allura ta' stennija, imma ammetta illi f'dak li jirrigwarda Inkjesti Maġisterjali l-affarijiet għadhom mexjin wisq bil-mod. Fuq dan il-punt partikolari, il-Ministru Zammit Lewis fakkar illi l-Avukat Ġenerali (AĠ) qed tuża d-dispożizzjoni tagħha fil-Kodiċi Kriminali biex titlob għal spjegazzjoni dwar għalfejn ċerti inkjesti qed idumu.
Huwa qal illi anke fil-Qorti tal-Familja l-Gvern qed jevalwa jekk għandhomx jiżdiedu l-imħallfin u l-ġudikanti.
"Il-kwistjonijiet kruċjali nafu liema huma u qed naħdmu fuqhom," aċċerta Zammit Lewis. Huwa kompla jgħid li l-Gvern jemmen li għandha tiżdied l-effiċjenza wkoll billi jkunu attirati l-aqwa riżorsi lejn is-sistema filwaqt li jsir proċess ta' dipenalizzazzoni sabiex każijiet li jkunu iżgħar - bħal xi argument bejn il-ġirien fuq xi ħaġa li mhux ta' natura serja - tidher quddiem it-Tribunal Reġjonali.
Huwa elenka wkoll numru ta' bidliet li ressaq jew qed iressaq il-Gvern preżenti fosthom biex jittejbu l-proċeduri, li jibqa' għaddej il-proċess ta' diġitalizzazzjoni, inkluż ħidma biex l-awli jkunu mgħammrin bl-aqwa tekonoloġija u anke l-fatt li l-Uffiċċju tal-AĠ issa ħa f'idejh il-Prosekuzzjoni ta' reati serji.
Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Assocjazzjoni għall-Imħallfin u Magistrati ta’ Malta, fi stqarrija rara, laqgħet l-aħbar li l-Gvern se joħrog sejħa għal erba’ Imħallfin u erba’ Maġistrati ġodda iżda saħqet li hija mħassba dwar il-fatt li, minħabba l-volum kbir ta’ xogħol li preżentment qed iħabbtu wiċċhom miegħu, inkluż xogħol "ta’ natura kumplessa, komplikata kif ukoll delikat ħafna," jeħtieġ investiment ferm akbar fin-numri ta’ Ġudikanti minn dak propost.