Vaċċin fl-UE: 'Konna tard wisq u ottimisti wisq'
Nhar il-Erbgħa 10 ta' Frar il-Parlament Ewropew iddiskuta l-vaċċin għall-Covid-19 u s-sens ta' frustrazzjoni u rabja fost il-poplu - inkluż f'Malta - għall-fatt li l-proċess qed jieħu wisq żmien. Il-gazzetta ILLUM segwiet ...
minn Albert Gauci Cunningham
Waqt li f'Malta nhar il-Erbgħa konna qed niċċelebraw il-festa ta' San Pawl il-Parlament Ewropew kien qed jiltaqa' biex jiddiskuti l-proċess ta' vaċċinazzjoni - fuq fomm miljuni ta' Ewropej - f'waħda mill-Plenarji ta' Frar.
Il-gazzetta ILLUM segwiet id-dibattitu fil-Parlament Ewropew u hawnhekk qed tirrapporta dwar uħud mill-aktar punti saljenti.
Parti mid-dibattitu tmexxa mill-MEP u Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li mexxiet is-sessjoni bil-Malti
'Il-proċess ta' vaċċinazzjoni ma pprogressax daqs kemm xtaqna'
Ir-rappreżentant tal-Presideza Portugiża Ana Paul Zacarias qalet illi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-vaċċin fl-Unjoni Ewropea "ma tjibitx" filwaqt illi ddeskriviet bħala inkwetanti l-imxija tal-virus. "Varjanti ġodda qed iwasslu għal miżuri ġodda ... imma l-proċess ta' vaċċinazzjoni ma pprogressax daqs kemm xtaqna," qalet Zacarias.
Waqt il-Plenarja Zacarias kompliet tisħaq mal-MEPs illi l-mira tal-UE tibqa' li kull ċittadin jieħu l-vaċċin b'mod ugwali. "Konna nafu li għall-ewwel l-fornitura tal-vaċċin se tkun limitata u forsi l-kumpaniji (farmaċewtiċi) stmaw iżżejjed l-abilitajiet ta' produzzjoni," ammettiet f'liema punt fakkret li t-trasparenza hija importanti biex aktar nies ikollhom fiduċja fil-proċess.
It-trasparenza, fil-fatt kienet tema rikorrenti f'din il-plenarja b'bosta kelliema jisħqu dwar l-importanza li l-poplu jkun jaf id-dettalji tal-proċess kollu.
Punt ieħor li semmiet Zacarias u li semmew diversi kelliema oħrajn kien l-aċċess tal-vaċċin għal pajjiżi lilhinn mill-UE bi dħul baxx u medju. Fakkret illi huwa fl-interess tagħna l-Ewropej ukoll li naraw li dawn il-pajjiżi jipprogressaw fil-proċess tal-għoti tal-vaċċin.
'Ma ħadnix toroq qosra fuq is-sigurtà u l-effikaċità tal-vaċċin'
Il-President tal-Kummssjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen bdiet billi fakkret illi fil-Polonja, minn Frar, diġa' kienu 94% tal-istaff mediku u 80% tal-anzjani fid-djar tal-anzjani li ngħataw il-vaċċin, filwaqt li 4% tal-popolazzjoni Taljana ngħatat il-vaċċin.
"Dan juri illi l-kampanja Ewropea ta' vaċċinazzjoni qed taqbad momentum u se naħdmu kemm nifilħu biex nilħqu l-mira ta' 70% sas-sajf," wiegħdet Von Der Leyen.
Hija ammettiet iżda illi l-UE tinsab tard u kienet wisq ottimista li l-ordinijiet tal-vaċċin se jaslu fiż-żmien.
Minkejja dan il-President tal-KE qalet illi l-UE għamlet għażla li ma tiħux it-triq il-qasira fuq is-sigurtà u l-effikaċità tal-vaċċin u sostniet li hi se tibqa' dejjem tiddefendi din l-istrateġija. "Aħna se nibbażaw id-deċiżjoni fuq l-Awtorità Ewropea tal-Mediċini (EMA) u iva dan ifisser li l-approvazzjoni ta' vaċċin se tieħu mal-erba' ġimgħat aktar. Imma dan qed nagħmluh biex inkunu ċerti mis-sigurtà tal-vaċċin u biex noħolqu l-kunfidenza fost il-popli ewropej."
Fakkret lill-Parlament illi normalment il-produzzjoni ta' vaċċin jieħu bejn ħames u għaxar snin u l-fatt li sar f'10 xhur huwa xi ħaġa "li għandha tagħmilna kburin."
Minkejja dan, fakkret illi l-produzzjoni ta' vaċċin mhux faċli hekk kif kull vaċċin fih 400 ingredjent u jinvolvi mal-100 intrapriża. Ghalhekk tfakkar li inħolqot task force ewropea biex tassigura li l-produzzjoni tkun aktar spedita.
"Il-battalja kontra l-virus hija maratona mhux sprint u allura teħtieġ ħafna saħħa u stamina ... kważi kuljum insiru nafu dwar varjanti ġodda u għad m'għandniex l-istampa kollha dwar l-effettività tal-vaċċin fuq il-varjanti," qalet Von Der Leyen.
Għalhekk fakkret kif flimkien mal-proġett tas-saħħa HERA se tkun qed tibda proġett ta' preparazzjoni għall-varjanti l-ġodda. "Irridu nassiguraw b'dan il-proġett li minkejja l-varjanti, sax-Xitwa li ġejja u lilhinn inkunu siguri."
'Diżappuntanti li għad m'għandniex ċertifikazzjoni komuni għas-safar'
Il-Kap tal-Partit Popolari Ewropew u l-MEP Manfred Weber sostna li l-pandemija tefgħet stress kbir fuq l-istil ta' ħajja tal-Ewropej għalkemm qal li l-maġġoranza tal-poplu jifhem il-bżonn ta' dawn il-miżuri.
"Il-vaċċinazzjoni hija l-unika tama," qal Weber li sostna illi hemm diversi raġunijiet għad-diżappunt Ewropew fuq din il-kwistjoni. Għalkemm semma' tliet punti saljenti dwar il-pandemija u l-UE.
L-ewwelnett hemm il-fatt li d-domanda hija ħafna ikbar mill-produzzjoni, it-tieni li l-UE fil-fatt għamlet żbalji li Weber jgħid illi jeħtieġ titgħallem minnhom u fl-aħħarnett jgħid illi minkejja kollox id-deċiżjonijiet prinċipali tal-UE kienu tajbin.
"Mingħajr il-flus li investejna fir-riċerka ma kienx ikollna biżżejjed għal tipi ġodda ta' vaċċin. Kien pass pożittiv li rajna illi jkun hemm l-ugwaljanza fil-mod kif jingħata l-vaċċin kif kien pożittiv li ma ħadnix it-triq il-qasira (fast track), kif kienet pożittiva wkoll id-deċiżjoni li l-UE taħdem flimkien fuq din il-kwistjoni," saħaq l-MEP.
Huwa fakkar illi l-EPP ipproduċa pjan ta' 11-il punt li jipproponi kif għandu jitħaffef il-proċess ta' vaċċinazzjoni u staqsa illi "jekk ir-Renju Unit mhux se jkun lest li jforni lill-UE, għalfejn l-UE għandha tissupplixxi lir-Renju Unit?"
Huwa qal illi mhux sew illi minkejja l-għarfien tal-varjanti l-UE għad m'għandhiex pożizzjoni komuni dwar nies ġejjin mill-Afrika ta' Isfel u r-Renju Unit kif saħaq illi huwa diżappuntanti illi minkejja li qed jitlaqqmu eluf ta' nies għad ma hemmx ċertifikazzjoni komuni.
'Il-każi mhux se jonqsu jekk f'pajjiżi jkun hemm ċerta libertajiet li f'pajjiżi oħrajn ma hemmx'
L-MEP Ska Keller mill-Partit tal-Ħodor saħqet illi l-każi mhux se jonqsu jekk il-miżuri se jkunu differenti minn pajjiż għall-ieħor, fejn hemm ċerti libertajiet u fejn m'hemmx. Qalet ukoll li n-numri mhux se jonqsu lanqas jekk l-ittestjar u l-intraċċar se jibqa' sproporzjonat minn pajjiż għall-ieħor.
Keller fakkret ukoll fir-responsabilità Ewropea li tara wkoll illi reġjuni jew pajjiżi fejn jistgħu jdumu anke snin biex jieħdu l-vaċċin jingħataw dan, għax jekk le r-riperkussjonijiet ikunu "diżastrużi."
"Din il-ġlieda mhux se nirbħuha jekk ningħalqu fl-egoiżmi nazzjonali u għalhekk l-aċċess ugwali għall-vaċċin, kien u għadu l-aqwa riċetta," sostniet l-MEP.
'Nippreparaw għat-tielet tilqima'
L-MEP Malti Cyrus Engerer (S&D) ipparteċipa f'dan id-dibattitu u qal illi kieku l-Istati Membri xtraw il-vaċċin individwalment kienet tkun "festa" għall-kumpaniji farmaċewtiċi. Għalhekk saħaq fuq il-bżonn ta' solidarjetà biex il-popli Ewropej iħossu li hemm xi ħadd illi qed jirrapreżentahom fuq din il-kwistjoni.
"Ejjew nibdew minn issa nixtru biżżejjed biex nilqgħu għall-bżonn tat-tielet tilqima," temm jgħid lill-Parlament Engerer.
'Qed nibdew naraw id-dawl fl-aħħar mina'
Iratxe Garcia Perez, MEP f'isem il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, saħqet kontra messaġġi ta' katastrofi u qalet illi minkejja frustrazzjoni fost miljuni ta' Ewropej għax iridu li l-UE twassal dak li huwa mwiegħed "sa fl-aħħar qed nibdew naraw id-dawl ... għax qed insibu s-soluzzjonijiet flimkien."
Hi rrikonoxxiet li l-kwistjoni ta' produzzjoni minn naħa ta' AstraZeneca hija "diżappunt kbir" u fakkret illi ladarba miljuni kbar qed jintefqu minn flus il-poplu, dan għandu kull dritt jara fejn dawk il-flus qed jintefqu.