Il-Bank Ċentrali jiprevedi tkabbir ekonomiku għall-2021 - stimulat mid-domanda domestika
... imma ħafna se jorbot mal-pass tal-vaċċinazzjoni u r-realtajiet tal-pandemija Covid-19
More in Politika
... imma ħafna se jorbot mal-pass tal-vaċċinazzjoni u r-realtajiet tal-pandemija Covid-19
B’effett tal-pandemija, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qal li qed jistenna li wara tnaqqis li hu stmat li jkun ta’ 8.2% fl-2020, il-Prodott Domestiku Gross (GDP) ta’ Malta ser jikber b’5.0% fl-2021, b’5.5% fl-2022 u b’4.7% fl-2023. Meta mqabbel mat-tbassir ippubblikat f’Diċembru 2020, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut ’l isfel għall-2020 u l-2021 minħabba l-impatt ta’ miżuri stretti ta’ trażżin li baqgħu fis-seħħ fl-2021.
Madankollu, it-tkabbir qed jiġi rivedut ’il fuq għall-2022 u l-2023, bil-GDP fl-2023 mistenni li jkun f’livell simili għal dak previst f’Diċembru 2020.
"Id-domanda domestika hi mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tal-irkupru previst mis-sena 2021 ’il quddiem," sostna l-Bank Ċentrali.
L-istqarrija tkompli turi kif it-tnaqqis fl-esportazzjoni netta kien il-kontributur ewlieni għat-tnaqqis fil-GDP fl-2020, minħabba tnaqqis drastiku fid-domanda barranija, restrizzjonijiet fuq attivitajiet relatati ma’ safar u tfixkil fil-provvista globali. Madankollu, id-domanda domestika hi wkoll stmata li kkontribwiet b’mod negattiv, hekk kif id-diversi miżuri ta’ trażżin naqqsu n-numru tal-attivitajiet matul is-sena, speċjalment matul it-tieni trimestru, u minħabba l-livelli għoljin ta’ inċertezza li affettwaw b’mod negattiv il-konsum u l-investiment privat. It-tnaqqis f’dawn iż-żewġ komponenti tal-infiq ittaffa parzjalment permezz ta’ żieda fil-konsum tal-gvern.
"Minkejja t-tnaqqis drastiku fl-2020, is-suq tax-xogħol wera reżiljenza eċċezzjonali. Il-qgħad żdied inizjalment matul l-ewwel mewġa tal-COVID-19, iżda minn dak iż-żmien naqas, hekk kif il-miżuri fiskali kienu ta’ sostenn qawwi għall-impjiegi," kompliet l-istqarrija.
Intant id-defiċit hu mistenni li jippersisti matul l-2021, għalkemm hu antiċipat li jinżel għal 6.6%. Hekk kif l-attività ekonomika titjieb u gradwalment jonqos il-bżonn ta’ sostenn relatat mal-COVID-19, id-defiċit hu mistenni li jkompli nieżel għal 3.9% tal-GDP sal-2023. Konsegwentement, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-HDP hu mistenni li jitla’ minn 42.4% fl-2019 għal 60.3% sal-2023.
Minħabba l-inċertezza prevalenti, il-Bank ippubblika wkoll xenarju aktar sever li fih iqis li l-effetti ta’ diversi protokolli restrittivi ta’ saħħa jinżammu wara l-2021, f'każ li r-ritmu tat-tilqim ikun aktar kajman milli previst bħalissa u jkun aktar diffiċli li jiġu kkontrollati infezzjonijiet ġodda. F’xenarju bħal dan, il-livell tal-GDP għall-2019 jintlaħaq biss fl-2023.