Proposta li hija mmirata biex tagħti d-dritt lill-ħaddiema ma jweġbux telefonati u emails tax-xogħol wara l-ħin mistenna tkun ippreżentata quddiem il-Kabinett fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan ġie rrapportat dalgħodu fuq il-gazzeta oħt Business Today. Fil-fatt, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, kkonferma li qed jistenna l-aħħar dokumentazzjoni qabel ma jippreżenta din il-proposta.
Imbagħad ikun f'idejn il-kabinett biex jiddeċiedi jekk jaċċettax din il-proposta. F'każ li tkun aċċettata, il-Gvern jiftaħ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali qabel ma jkun ippreżentat abbozz ta' liġi quddiem il-Parlament.
Il-Ministru qal biss li dan huwa proċess twil li jinvolvi l-partijiet kollha.
L-aħbar li l-Gvern qed jaħdem biex idaħħal dan il-kunċett li qed jissejjaħ 'Right to Disconnect' ma tantx niżel tajjeb mal-Assoċjazzjoni ta' min Iħaddem (MEA) li qed tisħaq li Malta għandha tistenna sakemm proċess parallel, li bħalissa għaddej fuq livell Ewropej, ikun konkluż.
"Dan ma jagħmilx sens," saħaq il-President tal-MEA Joseph Farrugia mal-Business Today. "Għaliex il-Gvern Malti qed jinsisti li jintroduċi din il-liġi malajr kemm jista' jkun meta l-Unjoni Ewropea għadha qed taħdem fuq id-direttiva?"
Madanakollu Abela insista li hu se jkun qed jippreżenta lill-Kabinett il-proposta dwar l-introduzzjoni ta' dan il-kunċett fil-liġi Maltija.
"Aħna qed nipprovaw inħaffu l-proċess," insista l-Ministru. "Ovvjament, jekk ikun hemm żviluppi fuq livell tal-UE, se nkunu qed inħarsu lejhom biex naddattaw il-proposta."
Qal ukoll li sa issa kien hemm rispons pożittiv dwar din il-proposta waqt li ċċara li jekk din issir liġi mhux se tkun qed taffetwa lil dawk l-impjegati li jirċievu dak li jissejjaħ 'disturbance allowance' biex ikunu jistgħu jissejħu wara l-ħin.
"Dan il-kunċett huwa mmirat li jipproteġi lil dawk l-impjegati li ma jgawdux minn dan l-allowance u li qed ikollhom il-ħin liberu tagħhom jew anke l-leave kontinwament interrotti mill-impjegaturi," saħaq Abela.
Il-Parlament Ewropew approva b'vot qawwi r-rapport dwar dan il-kunċett li ħadem fuqu u mbotta 'l quddiem l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba.
Fil-vot kien hemm 472 voti favur, 126 kontra u 83 li astjenew.