Repubblika ttenni li Rosianne Cutajar għandha tirriżenja minnufih mill-Gvern u l-Parlament

L-organizzazzjoni saħqet li Rosianne Cutajar kellha relazzjoni ma’ Yorgen Fenech li "mhix aċettabbli u mhux kompatibbli mar-rwol tagħha bħala membru tal-Kabinett

L-organizzazzjoni Repubblika tenniet it-talba tagħha biex is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tirriżenja mill-Gvern u anke mill-Parlament.

Fi stqarrija, l-organizzazzjoni saħqet li hu evidenti minn dak li ġie rappurtat f’dawn l-aħħar xhur li Rosianne Cutajar "kellha relazzjoni ma’ Yorgen Fenech li mhix aċettabbli u mhux kompatibbli mar-rwol tagħha ta’ Ministru tal-gvern."

L-organizzazzjoni insistiet li issa qed jirriżulta wkoll li ir-relazzjoni tagħha ma’ Yorgen Fenech influwenzat ukoll il-kondotta ta’ Rosianne Cutajar bħala Membru tal-Parlament.

"F’Ġunju tal-2019, bħala delegat tal-Parlament Malti fl-Assemblea Parliamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, qamet biex toġġezzjona għal riżoluzzjoni tal-Assemblea li semmiet il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech 17 Black fil-kuntest tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan kien l-unika diskors li qatt għamlet fis-snin li għamlet tirrapreżenta lill-Parlament fi Strasburgu. Id-diskors tagħha sar ftit ġranet bogħod minn dak inhar li Yorgen Fenech ħallasha talli irranġatlu biex jixtri propjetà fl-Imdina." insistiet l-istqarrija.

Repubblika qalet ukoll li fis-27 t’Ottubru 2020, bħala Deputat tal-Parlament, Rosianne Cutajar ivvutat biex ma ssirx inkjesta dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas.

"Rosianne Cutajar kienet obbligata tiddikjara kunflitt t’interess minħabba r-relazzjoni tagħha ma’ Yorgen Fenech, li kien wieħed mill-fundaturi u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija bl-ishma Maltin fl-Electrogas. Rosianne Cutajar użat il-vot Parlamentari tagħha biex tinħeba l-verità dwar x’għamel Yorgen Fenech u dan għamlitu mingħajr ma ddikkjarat l-involviment intimu tagħha ma’ Yorgen Fenech," insistiet l-organizzazzjoni.

Repubblika kompliet tgħid li jekk ma tirriżenjax, kemm il-Prim Ministru Robert Abela bħala kap tal-gvern u l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia għandhom jieħdu l-azzjoni biex jassiguraw li l-pożizzjonijiet ta’ Rosianne Cutajar jimtlew minn persuni idonei skont il-liġi.

"Il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jikksunsidra dawn ir-rivelazzjonijiet bħala parti mill-istħarriġ li qed jagħmel fil-kondotta inaċċettabbli ta’ Rosianne Cutajar," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika