Panel tal-Parlament Ewropew wissa b'diffikultajiet ekonomiċi riżultat tal-pandemija, filwaqt li nnota illi din il-kriżi tista' tkun opportunità biex l-ekonomiji Ewropej jerġgħu jinbnew mill-ġdid. Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli qal illi l-kriżi li ġabet magħha l-pandemija kienet riżultat dirett tas-sistema ekonomika ibbażata fuq l-isfruttar mmasimizzat tar-riżorsi u ssottolineat, daqs qatt qabel, in-nuqqas ta' sostenibbilità ta' dan il-mudell ekonomiku. Sassoli qal illi hemm bżonn illi l-Unjoni Ewropea (UE) tħares lejn governanza ekonomika ġdida, xi ħaġa importanti għall-irkupru ekonomiku.
Dan il-panel kien parti mill-Ġimgħa Parlamentari Ewropea illi fost oħrajn tara lil MEPs u Deputati minn Parlamenti nazzjonali jiltaqgħu biex jiddiskutu il-governanza ekonomika tal-UE u flimkien f'din id-diskussjoni jiġu l-kapijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Ġnus Magħquda, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew.
Għall-ewwel darba mill-2012 il-Parlament Ewropew organizza din il-laqgħa virtwalment f'video conference fi Brussell bl-edizzjoni ta' din is-sena tkun iddominata mill-kriżi tal-Covid-19 u l-irkupru tal-ekonomiji Ewropej.
Il-President Portugiż tal-Parlament Ewropew Ferro Rodrigues qal illi hemm bżonn ikun hemm reviżjoni tal-istrumenti tal-governanza ekonomika, biex kemm jista' tkun evitata sitwazzjoni fejn it-triq tal-irkupru tiġi mittiefsa. "Il-progress għandu jsir fuq livell Ewropew f'dak li jirrigwarda il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, hekk kif din il-pandemija ggravat b'mod sinjifikanti l-esklużjoni soċjali."
Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres qajjem il-prospetti ta' rkupru mill-kriżi b'mod li mhux globali - jiġifieri pajjiżi li jikrkupraw ħafna qabel jew wara oħrajn. Huwa qal illi l-proċess ta' vaċċinazzjoni diġa' juri li dawk illi sejjaħ "inugwaljanzi" huma ħafna. Huwa fakkar ukoll li sfidi oħrajn baqgħu hemm minkejja l-pandemija u jeħtieġ ikomplu jiġu ndirizzati, fost dawn hemm il-Bidla fil-Klima.
Id-Direttur Maniġerjali tal-IMF Kristalina Georgeva wissiet kontra sitwazzjoni fejn l-irkupru ta' pajjiżi differenti jkun differenti, inkluż fl-UE innifisha. Wissiet illi jekk dan ma nilqgħulux mill-bidu, "se jwassal għal diverġenzi kbar fl-2021 u konverġenza ħafna iktar kajmana għal diċennji sħaħ."
Il-President ta-Kunsill Ewropew Charles Michel sostna illi l-ekonomiji li se jiżviluppaw wara l-pandemija hemm bżonn ikunu mibnijin madwar il-prioritajiet diġitali u ta' klima. "Fondi Ewropej u politiki magħmulin biex jilqgħu għall-pandemija jeħtieġ ikunu ddiżinjati madwar il-bżonnijiet tal-ġenerazzjoni żgħażugħa, li sofriet b'mod konsiderevoli."
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen fakkret fil-potenzjal tal-fondi Ewropej u qalet illi dawn se jkunu kruċjali għal ekonomiji diġitali, iktar ħodor u inklussivi.
U finalment il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde saħqet dwar l-importanza li l-ekonomiji jkunu protetti filwaqt li jiġu trasformati.