F'ġurnata ta' żviluppi kbar f'dak li jirrelata lil Vince Muscat - magħruf bħala l-Koħħu u li llum ammetta il-ħtija għall-involviment tiegħu fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, jirriżulta li dan ingħata il-maħfra Presidenzjali fil-laqgħa tal-Kabinett li saret nhar it-Tnejn u għall-każ tal-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Muscat huwa mifhum li tefa' dawl fuq min kien wara l-qtil ta' Chircop u kif il-pjan kien esegwit. Jidher illi Muscat kien kapaċi jitfa' dawl fuq l-aktar mumenti kruċjali ta' qabel il-qtil.
Chircop kien wieħed mill-investituri tas-Supermarket More u kien sellef ammonti kbar ta' flus lill-irġiel konnessi mas-supermarket fejn huwa mifhum li intilfu miljuni kbar ta' ewro wara illi s-sid tas-supermarket Ryan Schembri ħarab mill-pajjiż.
Fl-2014 il-ħwienet ta' Schembri ħallew djun kbar mhux imħallsa lil dawk kollha li tawh self li jiswa' eluf kbar. Chircop kien imbagħad daħal f'kuntratt ma' Ryan Schembri biex jgħaddilu s-somma ta' tliet kwarti ta' miljun.