Il-Prim Ministru Robert Abela qal li mill-investigazzjonijiet sa issa ma jirriżultax li hemm persuni li huma jew kienu konnessi mal-politika li huma marbutin mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u jfakkar li hemm diversi każi li qed jiġu investigati u li fihom hemm implikat Vince Muscat. Qal iżda li wieħed irid iħalli l-investigazzjonijiet "intensivi" jieħdu l-kors tagħhom.
"Dan huwa mument sensittiv, inħallu lill-Pulizija tagħmel xogħolha u wieħed jistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet," qal il-Prim Ministru li sostna li l-Gvern ma jħares lejn wiċċ ħadd u jrid jara li l-ġustizzja ssir.
Abela qal li l-Pulizija intensifikat l-investigazzjonijet tagħha fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia u sostna illi l-proċess ta' riformi li saru fl-aħħar xhur fil-Korp tal-Pulizija, bil-ħatra wkoll tal-Kummissarju Angelò Gafa', qed iħalli l-frott. "Ir-riżultat ta' dik ir-riforma fil-Korp tal-Pulizija qed narawh illum," qal il-Prim Ministru.
"Dik tal-lum hija konferma oħra ta' istituzzjonijiet li jaħdmu u li komplew jingħataw ir-riżorsi u s-sostenn kollu li kellhom bżonn mill-Gvern," qal Abela. Huwa ddeskriva dak tal-lum bħala "pass ieħor biex pajjiżna jagħlaq din il-ferita" li kkawża dan l-assassinju nhar is-16 ta' Ottubru 2017.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-każ irid jingħalaq b'sens ta' ġustizzja lejn il-familja Caruana Galizia, lejn Daphne Caruana Galizia kif ukoll lejn il-ġustizzja f'Malta
Din il-konferenza tiġi fid-dawl ta' Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu li ammetta l-ħtija fil-qtil ta' Daphne Caruana Galzia. Dan filwaqt li ġew arrestati tlieta minn nies b'rabta mal-bomba li ġiet magħmula u li intużat biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.