64.6 miljun mara fl-UE qegħdin jgħixu fil-faqar; seba’ miljuni iktar mill-irġiel
Skont il-Eurostat, bħalissa hemm 64.6 miljun mara u 57.6 miljun raġel li qed jgħixu fil-faqar madwar l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Din id-dikrepanza ta’ seba’ miljun, turi li l-impatt tal-faqar fuq in-nisa u l-irġiel huwa differenti. X’fatturi importanti jagħmluk iktar vulnerabbli għall-faqar? X’inhu jiġi propost mill-Parlament Ewropew?
minn Marianna Calleja
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fi ħdan il-Parlament Ewropew din il-ġimgħa ressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'emfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu.
Dan il-Kumitat għaraf li teżisti diskrepanza bejn is-sessi anke fejn jidħol faqar, dan għaliex bħalissa hemm 64.6 miljun mara fl-UE li qed jgħixu fil-faqar, seba’ miljun iktar mill-irġiel. Hemm bosta fatturi li jwasslu għal dan ir-riżultat fosthom t-tul tal-ħajja u d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri. Il-Kumitat emfasizza li l-esponiment tan-nisa għall-faqar aktarx huwa sottovalutat. Dan filwaqt li semmew bosta każijiet fejn il-faqar hu iktar prominenti, kemm fost l-irġiel kif ukoll fost in-nisa, waqt li l-Parlament Ewropew ippropona diversi soluzzjonijiet.
F’Malta wkoll nistgħu ninnotaw riżultati simili. Lura f’Awwissu tal-2020, l-Uffiċju Nazzjonali tal-istatistika (NSO) rraporta li f’Malta hawn 82,758 persuna f’riskju tal-faqar, iktar minn nofshom (42,898) huma nisa.
Il-bżonn li n-nisa jidħlu f’ċertu setturi ekonomiċi
Din il-mozzjoni titkellem fuq kif il-livelli baxxi ta' edukazzjoni huma waħda mill-kawżi fundamentali tal-faqar fost dawk li jaħdmu. Fid-dawl ta’ dan, il-kumitat sostna li għandhom jiġu introddotti inizjattivi biex jippromwovu lin-nisa permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, filwaqt li n-nisa jiġu mħeġġa jidħlu f’suġġetti bħall-edukazzjoni diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u l-litteriżmu finanzjarju sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi preżenti u jiġi żgurat li aktar nisa jikkontribwixxu f'dawn is-setturi u għall-iżvilupp tagħhom.
Il-Kumitat stieden ukoll lill-Istati Membri biex jgħinu lill-ġenituri jaħdmu u jagħmlulhom ħajjithom faċli, pereżempju billi jkunu ċerti li l-ġenituri għandhom aċċess aħjar għal child care bi prezz raġonevoli, fil-każ ta’ Malta diġà hu b’xejn, speċjalment dawk il-ġenituri waħedhom, ġenituri ta' tfal b'diżabilità u ġenituri ta' familji kbar. Il-Parlament Ewropew jisħaq li l-prijorità għandha tingħata lil dawk li qed ifittxu impjieg u lil ħaddiema f'sitwazzjoni ta' impjieg instabbli.
Min-naħa l-oħra, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan wassal biex xi proposti jittrattaw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-ugwaljanza u li jiġu indirizzati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, b'mod partikolari d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri. Il-Kumitat, permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, għafas fuq il-bżonn li l-Istati Membri għandhom jippromwovu parteċipazzjoni u opportunitajiet ugwali għall-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol u jintroduċu inizjattivi li jippromwovu l-indipendenza finanzjarja għan-nisa.
Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jisħaq ukoll li rridu nindirizzaw b’mod immedjat d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u d-distakk konsegwenzjali fil-pensjonijiet. Barra minn hekk jinsistu li t-trasparenza fil-pagi għandha titwettaq mill-impjegaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, filwaqt li ssir prevenzjoni ta' kwalunkwe prattika li timmina l-kisba tal-prinċipju ta' "paga ugwali għal xogħol ugwali"
Tajjeb li ninotaw li d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet mhux qed iseħħ biss barra minn xtutna. Il-gazzetta MaltaToday nhar il-11 ta’ Novembru rraportat li ta’ kull 90 ċenteżmu li taqla’ mara, raġel jaqla’ €1. Fl-istess ħin l-Alleanza tal-Organizzazzjoni tal-Pensjonanti f’Malta, f’Marzu tal-2020 qalet li n-nisa jirċievu 42% inqas mir-raġel tant li Malta kklassifikat bħala it-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa bl-ogħla differenza fil-pensjoni bejn is-sessi.
Jappellaw għal ġlieda kontra l-prostituzjoni
Din ir-riżoluzzjoni titkellem ukoll dwar il-prostituzzjoni li tqis bħala forma serja ta' vjolenza. Intant il-Kumitat talab lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi biex jiġu miġġielda l-kawżi ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-prostituzzjoni u jappoġġaw miżuri għall-persuni li jiġu pprostitwiti biex jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom.
Il-Kumitat irrikonoxxa wkoll li l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-ħaddiema tant li jfakkru li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar fost dawk li jaħdmu huma partikolarment meħtieġa. Hawn ġiet emfasizzata l-importanza wara impjiegi f’professjonijiet li għadhom jiġi sottovalutati u mhux imħallsa biżżejjed fosthom il-frontliners li skont huma “kienu qed jaħdmu f’xogħol mhux sigur, parzjalment minħabba nuqqas ta' protezzjoni soċjali u ta' saħħa.”
Minkejja dan kollu, il-Kumitat tkellem ukoll dwar kif fl-aħħar deċenju n-nies bla saqaf fuq rashom f’UE żdiedu b’70% u fuq kif ir-rata ta’ impjiegi għall-persuni b’diżabilità kienet ferm aktar baxxa mir-rata ta’ impjieg totali. Ġie emfasizat ukoll kif ħafna drabi l-paga minima ma’ tipprovdix protezzjoni kontra l-faqar, waqt li tfakkru l-miżuri proposti tal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-ħaddiema fl-Unjoni jkollhom paga minima ġusta li twassal għal għajxien diċenti.