'Iċċedix għall-pressjoni tal-kaċċaturi' - Birdlife lil Bernard Grech
Birdlife Malta f'laqgħa mal-Kap tal-PN Bernard Grech ...
More in Politika
Birdlife Malta f'laqgħa mal-Kap tal-PN Bernard Grech ...
“Il-Partit Nazzjonalista għandu jħares l-ispirtu tal-Acquis Communautaire u ma jċedix għall-pressjoni tal-lobby tal-kaċċaturi. Jekk il-PN irid jirrispetta l-opinjoni pubblika ma jistax imur lura mill-impenn li jimplimenta d-direttivi tal-UE dwar il-protezzjoni tan-natura u l-għasafar”.
Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana f’laqgħa li saret ilbieraħ fid-Dar Ċentrali tal-PN mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech. Il-Proċeduri ta’ Ksur mibdija riċentement kontra l-Gvern Malti mill-Kummissjoni Ewropea fuq id-derogi kollha tal-kaċċa u l-insib li jinsabu fis-seħħ u l-ftehim tal-Gvern mal-FKNK għall-imsaġar tal-Miżieb u l-Aħrax kienu fost it-temi li ġew diskussi waqt il-laqgħa mal-Kap tal-PN li għaliha attendiet delegazzjoni tal-Kunsill ta’ BirdLife Malta.
L-uffiċjali ta’ BirdLife Malta spjegaw l-istruttura tal-organizzazzjoni u x-xogħol varju li twettaq f’diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, il-konservazzjoni, il-bird ringing, it-tmexxija tar-riservi u d-diversi proġetti taħt il-programmi LIFE u Erasmus li tmexxi.
Dwar il-kaċċa u l-insib, il-Kap Eżekuttiv Mark Sultana spjega s-sitwazzjoni attwali wara t-tneħħija tal-infurzar tal-ħarsien tal-għasafar minn taħt l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-ħolqien tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) li hija mmexxija min-nassaba. Issemmiet ukoll il-mossa tal-Gvern Laburista – "intiża biss biex jirbaħ il-voti – li d-WBRU tiġi trasferita taħt il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri" u anke kif diversi aspetti tat-Trattat innegozjat mal-Unjoni Ewropea qabel is-sħubija ta’ Malta fl-UE skont il-Birdlife "ġew kontinwament injorati mill-Gvern preżenti, xi ħaġa li wasslet biex tittieħed azzjoni kontra Malta fl-aħħar snin."
"Grech kien ippreżentat ukoll bir-riżultati li juru kif is-sena l-oħra kienet sena rekord għall-kaċċa illegali kaġun ta’ nuqqas serju ta’ infurzar u tal-mod kif il-Gvern dgħajjef il-liġijiet," temmet tgħid l-istqarrija tal-Birdlife.