Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li biex il-Gvern ikompli jimplimenta l-viżjoni ekonomika tiegħu, irid jassigura li d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu ssalvagwardjati.
Huwa qal dan ftit qabel bdiet laqgħa tal-kabinett li llum qed issir fil-kwartieri tal-General Workers Union fil-Belt Valletta.
“Biex nimplimentaw il-viżjoni tagħna, irridu nassiguraw li l-ħaddiema jkunu qed jaħdmu f’kundizzjonijiet xierqa,” insista Abela.
Huwa qal dan fid-dawl tal-impatt negattiv li l-pandemija qed iġġib magħha. Insista li l-Gvern poġġa l-interessi tal-ħaddiema f’Malta u Għawdex bħala l-prijorità tiegħu.
Fakkar li l-Gvern ħareġ aktar minn €366 miljun f’suppliment tal-paga u anke biex jitħallas il-leave tal-kwarantina.
Insista wkoll li l-aħħar statistika turi li l-qagħad qed jonqos u n-numri qed iqarrbu dawk ta’ qabel il-pandemija.
“Aktar ma jkollna nies jaħdmu u aktar ma jkollhom kundizzjonijiet xierqa, inqas ikun hawn min jiddependi fuq il-benefiċċji soċjali,” insista.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 u li ħabbar nhar is-Sibt li għadda.
Qal li r-reazzjonijiet kienu pożittivi u li x-xogħol fuqha issa jkompli tul il-proċess parlamentari.
Tkellem ukoll fuq id-dekriminilizazzjoni tal-kannabis għall-użu personali u qal li l-Gvern huwa determinat li jippubblika white paper fuq dan.