Cardona jikkonferma li kien interrogat mill-Pulizija dwar il-qtil ta' Daphne
Jinsisti li mhux qiegħed fuq police bail u lanqas ma jinsab taħt xi investigazzjoni kriminali
More in Politika
Jinsisti li mhux qiegħed fuq police bail u lanqas ma jinsab taħt xi investigazzjoni kriminali
L-eks Ministru Chris Cardona kien interrogat mill-Pulizija nhar is-Sibt li għadda wara li qed ikun implikat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minn Vince Muscat, il-Koħħu.
L-eks Ministru kkonferma li kien interrogat għal madwar siegħa fid-Depot tal-Pulizija, wara informazzjoni li Muscat għadda lill-Pulizija wara li wieġeb ħati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-ġimgħa li għaddiet, The Times of Malta rrapportat kif Muscat, allegatament qal lill-Pulizija li Cardona kien il-moħħ wara pjan biex tinqatel Daphne fl-2015, pjan li qatt ma seħħ.
Madanakollu, skont Muscat, għal darba darbtejn kien wassal lil George Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil, il-Belt Valletta għax kien qallu li se jiltaqa’ mal-Ministru.
Skont il-Koħħu, George Degiorgio qallu li Cardona kien qed jgħinu jsegwu l-passi ta’ Daphne.
Cardona qed jiċħad kategorikament dawn l-akkużi kollha.
Mistoqsi dwar l-interrogazzjoni, Cardona insista li hu ma jinsabx fuq police bail u lanqas ma ġie mwissi, kif jiġri meta persuna tkun formalment identifikata bħala suspettata f’reat kriminali.
X’intqal aktar dwar Cardona?
Ta' min ifakkar li Chris Cardona kien interrogat ukoll wara l-arrest ta' Yorgen Fenech. Dan wara ittra li waslet għand Yorgen Fenech (meta kien fuq police bail) u li skont l-istess Fenech kien bagħtilu Keith Schembri, jiggwidah biex jitfa' l-ħtija fuq Cardona.
Allegatament, Schembri uża lit-tabib Adrian Vella biex jgħaddi din l-ittra lil Fenech.
Vella kien ammetta fil-Qorti li Schembri kien tah xi karti biex jgħaddihom lil Fenech anke jekk qal li ma kienx jaf il-kontenut.
Is-sena li għaddiet ukoll, Melvin Theuma (l-intermedjarju) kien qal fil-Qorti li l-aħwa Degiorgio kienu mwissija li jekk jikxfu l-irwol ta' Cardona fl-assassinju, kienu se joqtluhom.
Skont Theuma, kien Mario Degiorgio, ħu Alfred u George Degiorgio li qallu dan wara messaġġ li kien wasal għandhom mingħand David Gatt, avukat li kien jaħdem mal-kumpanija legali ta' Cardona.
Ta' min ifakkar ukoll li tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza, Melvin Theuma kien xehed li Yorgen Fenech kien qallu li fil-baħar ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa, fejn ġew arrestati l-irġiel akkużati bl-assassinju, kien instab mowbajl u li dan kien ta' George Degiorgio u li fuqu kien hemm biss in-numru ta' Chris Cardona.