'Aqbad il-barri minn qrunu qabel ikun tard wisq' - Il-Patoloġisti jwissu lill-Gvern

Jinsistu li l-vaċċin waħdu mhuwiex biżżejjed u li hemm bżonn miżuri stretti speċjalment għal żmien l-Għid

Il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti qal li huwa allarmat bl-għadd ta’ każi dejjem jiżdiedu ta’ Covid-19 u saħaq li s-sitwazzjoni ma nżammitx taħt kontroll minn meta bdiet it-tieni mewġa. 

Fi stqarrija, il-patoloġisti saħqu li l-miżuri preżenti, in-nuqqas ta’ infurzar u l-fatt li diversi mhux qed isegwu r-restrizzjonijiet, qed iwassal biex jiżdiedu l-każi. Fakkru li n-nies fl-isptarijiet żdiedu kemm wara l-Milied u anke wara l-Karnival, filwaqt li insistew li l-impatt tal-varjant tar-Renju Unit għadu mhuwiex ċert.

Qalu li l-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa qed jibgħatu l-messaġġ li l-vaċċin huwa l-uniku soluzzjoni biex tintemm din il-pandemija.

“Il-vaċċin mhuwiex miżura ta’ mitigazzjoni. Mhux se jnaqqas in-numri fil-futur immedjat,” insistew.

Propju għalhekk li l-patoloġisti qed jappellaw għal miżuri aktar stretti. Qed jisħqu li għandu jkun pprojbit it-taħlit tal-familji, li għandhom jingħalqu s-servizzi mhux essenzjali u li anke jkunu evitati l-ġemgħat.

“Hemm bżonn infurzar strett,” insistew waqt li fakkru li l-Għid jinsab fil-qrib.

Fid-dawl ta’ dan qed jisħqu li tul dan il-perjodu għandu jkun hemm miżuri aktar stretti u li għandha tingħata aktar importanza anke lit-tagħlim onlajn.

Qed jappellaw biex l-ivjaġġar lejn Għawdex ikun ipprojbit u li għandu jkun hemm miżuri stretti fuq ir-ristoranti.

Appellaw ukoll biex ħadd ma jserraħ rasu sempliċiment għax ħa l-vaċċin.

Fakkru li Malta għandha fost l-ogħla rata ta’ tixrid l-Ewropa u fost l-inqas miżuri restrittivi.

Qalu wkoll li l-isptarijiet qed ibatu, it-taqsimiet tal-kura intensiva huwa kważi mimlija u li ħafna persuni żgħar qed jiddaħħlu l-isptar b’kumplikazzjonijiet minħabba l-virus.

“Qed inħeġġu lill-awtoritajiet biex jaqbad il-barri minn qrunu u jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex inaqqas l-imxija tal-Covid-19 qabel ikun tard wisq,” insistew.

More in Politika