Il-Prim Ministru Robert Abela - meta mistoqsi jekk għadux qed iżomm mal-mira illi f'Mejju l-pajjiż jerġa' jkun 'business as usual' kif kien qal li se jiġri - sostna illi l-Gvern se jkun qed jagħmel minn kollox biex il-pajjiż jirkupra f'termini ta' saħħa u anke ekonomikament.
Waqt konferenza illi matulha ġew imħabbrin miżuri ġodda - fosthom l-għeluq tar-ristoranti, kafetteriji u snack bars - il-Prim Ministru ħabbar ukoll illi s-Suppliment tal-Paga se jkun estiż sa Ġunju filwaqt li jerġgħu jiżdiedu għal dawk li ġew milqutin mill-miżuri tal-lum.
"Nifhem li qegħdin taħt pressjoni, imma se naħdem biex dan il-pajjiż ikun fejn jixraqlu," qal Abela.
Hu rrifjuta l-idea li għandu joffri apoloġija u għamel elenku ta' miżuri tal-Gvern filwaqt li staqsa jekk għandux japoloġizza għas-Suppliment tal-Paga, għall-għajnuna fil-kirjiet u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew inkella għaliex il-qgħad baqa' baxx filwaqt li s-servizzi tas-saħħa baqgħu jkampaw. "Napoloġizza kieku m'inix nappoġġja lin-negozji, kieku ma tajniex inċentivi bhal vouchers ...jiddisjaċini kieku llum ħabbart il-miżuri u m'inix inżid l-għajnuna."
"Ejja ma nirrovinawx is-sagrifiċċji kollha li saru," appella l-PM filwaqt li qal li huwa importanti li kulħadd ikun responsabbli. Huwa qal li f'Marzu l-pajjiż irid jintensifika l-pjan ta' tilqim filwaqt li jkunu fis-seħħ il-miżuri li tħabbru llum.