Grech jitlob inkjesta indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet fil-programm tal-vaċċin
Dwar il-miżuri, Bernard Grech saħaq li l-Gvern seta' aġixxa qabel u ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jerfa’ r-responsabbilità
minn Yendrick Cioffi
Il-Partit Nazzjonalista appella għal aktar effiċjenza, trasparenza u prijoritizzazzjoni fil-programm tal-vaċċin, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jikkwota professjonisti u jisħaq li s-sitwazzjoni tal-pandemija hija waħda allarmanti.
Tul konferenza tal-aħbarijiet, kemm Bernard Grech, u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri u Claudette Buttigieg tkellmu dwar il-każi dejjem jiżdiedu ta’ każi ta’ Covid-19 u anke l-programm tal-vaċċin.
Grech appella lill-Prim Ministru u lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jaraw jekk hux minnu li hawn min qed jinqabeż biex jieħu l-vaċċin.
Qal li llum stess bagħat ittra lill-Ministru Fearne biex jinvestiga dak li seħħ fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħ’Attard, jiġifieri li kien hemm min ħa l-vaċċin mingħajr ma kien imissu.
Ikkwota dak li rrapporta s-sit illum.com.mt, jiġifieri li l-infermiera fiċ-ċentri tas-saħħa mhux jingħataw il-lista bl-ismijiet tan-nies li kellhom imorru għall-vaċċin.
Appella wkoll biex issir inkjesta indipendenti biex ikun magħruf jekk kienx hemm persuni li ħadu l-vaċċin u li ma kinux intitolati għalih.
'Il-Gvern seta’ għamel aktar u qabel'
“Illum inkomplu nikkonfermaw kemm il-Gvern seta’ għamel aktar u qabel. Il-pandemija mhijiex taħt kontroll,” insista Bernard Grech dwar il-miżuri ġodda li se jidħlu fis-seħħ, waqt li ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jerfa’ r-responsabbilità “ta’ din il-kriżi allarmanti.”
Insista li l-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru llum huma tard wisq. “Rajna Prim Ministru konfuż li ma jafx x’se jaqbad jagħmel aktar,” insista Grech.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li l-Partit Nazzjonalista, permezz tat-tim tiegħu dwar il-Covid-19, ilu jagħti proposti dwar x’kellu jsir.
“Kont nagħmel screening aħjar fl-ajruport, speċjalment kif faqqgħet it-theddida tal-varjanti l-ġodda,” insista Bernard Grech. “Il-fatt li aħna maqtugħa bil-baħar seta’ kellna vantaġġ biex il-varjant naqbduh minnufih.”
Insista li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien jara li ma tikkollassax is-sistema tal-contact tracing li, fi kliemu, issa mhux qed tlaħħaq, bir-riżultat li ħafna nies li jistgħu jkunu pożittivi għall-virus, għadhom ma jafux u ma jinsabux f’iżolazzjoni.
“Din ikkollassat għax il-politiku mhux qed jagħti direzzjoni tajba u fil-ħin għax ma tax każ biżżejjed lil dak li qalulu l-esperti,” saħaq Grech. “Żgur li ma kontx ngħid li l-mewġ qiegħed fil-baħar jew nibgħat messaġġ li kollox huwa normali u li se naħarbu niġru.”
'Min hu vulnerabbli u anzjan, għandu jingħata l-prijorità'
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri tkellem aktar fid-dettall dwar il-programm tat-tilqim u filwaqt li rrikonoxxa s-suċċessi, appella li hemm bżonn aktar effiċjenza, trasparenza u prijoritizzazzjoni.
Appella biex min hu vulnerabbli u anzjan u li għadu ma rċevix appuntament, għandu jingħata l-prijorità llum qabel għada.
Claudette Buttigieg saħansitra qalet li hemm anzjani mill-Mellieħa, li ntalbu jinżlu Tas-Sliema u ż-Żejtun għall-vaċċin jew inkella anzjani min-Naxxar u San Pawl il-Baħar li ntalbu jmorru Birżebbuġa.
Il-Kelliem Stephen Spiteri insista li għandu jkun hemm loġistika li tħares aktar il-miri tal-programm biex malajr kemm jista’ jkun tintlaħaq il-herd immunity.
Appella għall-involviment tat-tobba tal-familji u s-spiżeriji tal-komunità biex jitħaffef il-proċess tat-tilqim, anke issa li wasal biex ikun approvat il-vaċċin ta’ Johnson & Johnson li jista’ jħaffef il-proċess.
'Miżuri f’ħinhom u f’waqthom setgħu evitaw li jkollna ammont kbir ta’ varjant'
Dwar il-varjant, Spiteri qal li tkellem ma’ esperti u kkonfermaw miegħu li dan wasal biex dan isir dominanti f’Malta kif ġara f'pajjiżi oħra.
“Miżuri f’ħinhom u f’waqthom setgħu evitaw li jkollna ammont kbir ta’ varjant importat f’pajjiżna,” insista.
Dwar is-sitwjazzjoni fl-isptarijiet, Spiteri qal li hemm operazzjoni li qed ikollhom jiġu posposti waqt li insista li fadal biss ftit sodod fl-ITU, b'infermiera li qed ikollhom ilaħħqu ma' aktar minn pazjent wieħed.
"Min kien qalilna li aħna mhu nipproponu xejn, spiċċa biex daħħal il-proposti li għamilna aħna," temm jgħid Spiteri.