Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob il-pubblikazzjoni immedjata u sħiħa tar-rapport tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Josette Demicoli dwar allegazzjonijiet li l-eks Chief of Staff, Keith Schembri għadda b’mod suspettuż €650,000 lill-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman.
Rapporti qalu li din l-inkjesta ġiet konkluża u issa tinsab quddiem l-Avukat Ġenerali.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li kien l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li kien ippreżenta provi b'rabta mal-allegat ħasil ta' flus minn Keith Schembri u Hillman. Fakkar ukoll li Simon Busuttil kien żvela wkoll rapport tal-FIAU li kien juri l-ħasil ta' flus minn Keith Schembri u Adrian Hillman u li dwaru l-Pulizija baqgħu qatt ma ħadu passi.
“Fid-dawl ta' dan l-aħħar żvilupp, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna ma jibqgħux ikaxkru aktar saqajhom u minnufih jieħdu l-passi kollha meħtieġa fil-konfront ta' dawk il-persuni li wettqu reati serji ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus. Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll li, bħala minimu, il-konklużjonijiet tal-inkjesta għandhom jiġu ppubblikati meta inkjesta maġisterjali tinvestiga persuni f'kariga pubblika. Huwa fl-interess pubbliku li l-poplu jiġi nfurmat b'dak li jkun instab. Il-poplu ma jistax jibqa' jitħalla fil-għama dwar il-korruzzjoni ta' Joseph Muscat u sħabu u l-Gvern Laburista ma jistax jibqa' aktar jistaħba wara inkjesti li jibqgħu moħbija,” qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.