L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA) qalet li Frar li għadda kien l-aħjar wieħed mill-2017 ‘l hawn, kemm fejn jidħol l-għadd ta’ konvenji li saru fuq xiri ta’ proprjetà u anke l-valur tagħhom.
Jidher li tul ix-xahar li għadda ġew irreġistrati 1,600 konvenju u li l-valur tagħhom jammonta għal aktar minn €350 miljun.
Dan ifisser żieda ta’ 40% fuq Frar tal-2020, jew inkella differenza ta’ aktar minn €100 miljun.
Fi stqarrija, l-MDA qalet li dawn il-figuri jikkonfermaw kemm is-suq tal-proprjetà għandu kontribut sinifikanti u dirett fuq l-ekonomija Maltija, anke fiż-żmien diffiċli tal-pandemija.
“Fi żminijiet bla preċedent bħal dawn, huwa vitali li nassiguraw li s-setturi kollha, bħal dawk tas-suq tal-proprjetà, li baqgħu reżiljenti xahar wara l-ieħor, jitħallew jikbru, hekk kif is-suċċess tagħhom jgħin direttament biex ikunu sostnuti dawk is-setturi u anke l-ħaddiema li l-pandemija ħalliet fuqhom effett negattiv, fosthom l-industrija tat-turiżmu,” saħqet l-MDA.