Il-Kummisjoni tal-Ippjanar nhar il-Erbgħa approvat żvilupp ta' binja ġdida li se sservi bħala Outpatients fl-Isptar Mater Dei. Din se tkun qed tkopri ż-żona quddiem il-kamra mortwarja preżenti u l-helipad li bħalissa ma jiffunzjonax imma qed jintuża' bħala parkeġġ. Il-bini ta' ħames sulari se jinkludi parkeġġ taħt l-art b’ħafna sulari biex jokkomoda 658 karozza, kif ukoll terminus tal-linja taħt l-art. Ftit iktar minn terz tal-art se tintuża għal servizzi kliniċi.
Il-blokka l-ġdida tal-outpatients, li kienet ġiet irrakkomandata għall-approvazzjoni mid-Direttorat tal-Ippjanar, se tkun madwar tliet metri ogħla mill-bqija tal-bini tal-isptar u se tneħħi l-konġestjoni tat-traffiku madwar id-daħla tal-isptar.
Skont il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, li applikat għall-permess, il-blokka l-ġdida se ttejjeb il-kura u s-sodisfazzjon tal-pazjent kif ukoll iżżid l-effiċjenza operattiva tal-isptar. Skont informazzjoni mogħtija fil-Parlament, il-blokka l-ġdida mistennija tiswa madwar €170 miljun u mistennija tieħu aktar minn erba' snin biex titlesta.
Id-Dipartiment tal-Outpatients preżenti fi ħdan l-Isptar Mater Dei se jinbidel fi swali u sodod addizzjonali.