Minkejja li ma ssemmewx waqt il-konferenza li fiha tħabbru miżuri ġodda fir-rigward tal-Covid-19, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa ċċarat mal-illum.com.mt illi tal-Monti ma jistgħux jarmaw. Xi ħaddiema tal-monti staqsew lil dan is-sit fil-fatt x'se jagħmlu, speċjalment dawk li jbiegħu prodotti essenzjali bħal ikel, xorb, frott, ħaxix u oġġetti użati għall-ħasil.
Is-swieq naturalment iżda jattiraw lejhom numru ta' nies - xi minn daqqiet folol - u allura ttieħdet id-deċiżjoni biex dawn ukoll ma jarmawx.
L-istess kelliema qalet lil dan is-sit li l-unika tip ta' bejgħ li jista' jsir huwa dak li jinvolvi lill-bejjiegħ idur mal-lokalità biex ibiegħ il-prodott jew f'każi fejn dan ikun waħdu u allura ma jinġabrux ġemgħat ta' xerrejja ħdejn xulxin.
Ilbieraħ tħabbar li l-ħwienet kollha li joffru prodotti mhux essenzjali - bħal tal-ħwejjeġ, tax-xagħar, sbuħija, żraben, souvenirs, tad-dwiefer u aktar jridu jgħalqu l-bibien mil-lum filwaqt li minn nhar it-Tnejn se jgħalqu l-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi kollha. Dan wara li l-ġimgħa l-oħra kien ordnat l-għeluq tar-ristoranti, kiosks u snack bars.