Sa issa saru aktar minn 500 triq residenzjali, bħala parti mill-investiment fuq skala nazzjonali ta’ €700 miljun. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara fi Triq il-Forġa, in-Naxxar.
Il-Ministru Ian Borg qal li, “Dan hu gvern tassew għan-nies li jwettaq dak li jwiegħed. Dawn il-500 triq residenzjali jkomplu juru fis-seħħ il-viżjoni ħolistika ta’ dan il-gvern, gvern favur ambjent aħjar u favur l-aqwa sigurtà possibli għall-eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Għadna ma wasalniex iżda mexjin u se nibqgħu naħdmu sabiex kull rokna ta’ pajjiżna jkollha infrastruttura kif tixirqilha.”
Il-Ministru Ian Borg kompla billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija Infrastructure Malta għall-ħidma kontinwa tagħhom.
Triq il-Forġa hija waħda mit-toroq li l-aġenzija qed tibni mill-ġdid dan ix-xahar. Dan wara li sezzjoni kbira ta’ din it-triq ta’ nofs kilometru tul il-fruntiera bejn in-Naxxar u l-Iklin qatt ma kienet ġiet iffurmata u mibnija qabel.
Fl-aħħar xhur, Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi tal-kostruzzjoni ta’ din it-triq fejn saru xogħlijiet fuq l-istruttura tagħha, Inbnew passaġġi għall-mixi ġodda u tpoġġew aktar minn 800 metru ta’ netwerks tat-telekomunikazzjoni. Il-ħaddiema bnew ukoll sistema ġdida għall-ilma tax-xita kif ukoll pipeline ta’ 200 metru.
It-tieni fażi mistennija li tkun lesta fix-xhur li ġejjin u t-total tal-investiment mistenni li jkun ta’ miljun ewro.
Infrastructure Malta qed terġa’ tibni 13-il triq residenzjali oħra fiż-żona ta’ Tas-Sgħajtar fin-Naxxar matul ix-xhur li ġejjin. Ix-xogħlijiet fi tlieta minn dawn it-toroq – Triq Korfu, Triq il-Libja u Triq il-Marokk – bdew din il-ġimgħa. L-għaxar toroq l-oħra huma: Triq Ċili, Triq Ċipru, Triq Ġibilta, Triq Il-Brażil, Triq Il-Ġermanja, Triq Il-Mitħna, Triq It-Tuffieħ, Triq L-Arġentina, Triq L-Ingilterra u Triq Spanja.