Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, waqt żjara tax-xogħlijiet fuq il-pixxina tas-Sirens ASC, spjega li l-proġett jinsab fi stadju avvanzat. B’investiment ta’ madwar €3 miljun, din il-pixxina riġenerata se tibda titgawda mill-pubbliku f’Ġunju 2021.
Is-Segretarju Parlamentari Grima saħaq li dan l-investiment f’faċilità state of the art juri kemm il-gvern huwa ta’ spalla għan-nies fil-komunitajiet sabiex jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
“Din hija faċilità li se tħares l-isport akkwatiku u li se tagħti l-għodda neċessarja lill-atleti tagħna. Dan kollu sar għaliex aħna nemmnu li l-isport huwa parti essenzjali mill-ħajja tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin,” sostna s-Segretarju Parlamentari.
Grima kompla jgħid li SportMalta kienet ukoll strumentali u essenzjali fid-diskussjonijiet ma’ diversi klabbs, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi madwar il-pajjiż.
Il-Viċi President ta’ Sirens ASC John Farrugia spjega li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet tikkonsisti fil-bini tal-pixxina nnifisha, li diġà għandha l-pedamenti lesti. Il-pixxina se tkun 33 metru b’25 metru u se tkun approvata mill-FINA (Fédération Internationale de Natation) li huwa ċertifikat tal-ogħla standards internazzjonali. Din il-pixxina se sservi mhux biss għat-timijiet ta’ Sirens tal-waterpolo, iżda wkoll għal għexieren ta’ għawwiema, li f’dawn l-aħħar snin żdiedu fit-timijiet tal-għawm tal-klabb.
Dan il-proġett qed jara l-bini ta’ tliet pixxini, tnejn barra u oħra fuq ġewwa, bl-għan li jservi ta’ ċentru reġjonali għall-isport tal-għawm. Il-klabb tas-Sirens iħarreġ atleti fl-għawm, għawm sinkronizzat u waterpolo. Huwa qal li l-investiment totali f’dan is-sit jinkludi t-titjib tal-pixxina u l-faċilitajiet, fosthom changing rooms, faċilitajiet sanitarji, stands għall-ispettaturi, kif ukoll twessigħ tal-użu tas-sit billi fil-livell ta’ taħt se jiżdiedu gym u diving centre.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar.