Footballer ħabib tal-Ministru Caruana jingħata kuntratt ta' €15,000 mill-Ministeru
Daniel Bogdanovic jingħata kuntratt ta' €5,000 fix-xahar biex jaħdem fuq kurrikulu nazzjonali dwar l-isports

minn Yendrick Cioffi

Footballer ħabib tal-Ministru Justyne Caruana ngħata kuntratt ta’ €15,000 għal tliet xhur biex jaħdem u jagħti pariri fuq kurrikulu nazzjonali dwar l-isports, anke jekk ma jidher li għandu l-ebda kwalifiki biex jiġġustifika dan.
Żvelat dan il-gazzetta oħt MaltaToday minkejja li fl-10 ta’ Jannar li għadda, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ċaħad storja oħra li Daniel Bogdanovic kien impjegat mas-segretarjat personali tal-Ministru Caruana.
Bogdanovic deher mal-Ministru f’diversi okkażjonijiet.

Minkejja din iċ-ċaħda, Bogdanovic, fost oħrajn kellu wkoll f’idu business card li tgħid li hu kien “coordinating officer” fi ħdan il-Ministeru. Ismu jidher ukoll fid-direttorju tal-Gvern bħala uffiċjal fis-segretarjat tal-Ministru Caruana.
Madanakollu, il-Ministeru kien saħaq li l-plejer ma kienx person of trust tal-Ministru imma sempliċiment kien parti mill-Community Work Scheme tal-2019, programm immexxi mill-General Workers Union għal persuni li jkunu bla xogħol.
Il-MaltaToday ippubblikat il-kuntratt li sar ma’ Daniel Bogdanovic li jkopri l-perjodu bejn Jannar 2021 u l-20 ta’ April 2021.
L-eks footballer internazzjonali, li llum huwa l-kowċ ta’ Għajnsielem FC, se jkun qed jieħu €5,000 kull xahar biex idur diversi skejjel tal-Gvern biex joħroġ b’rakkomandazzjonijiet u anke inizjattivi bil-għan li jtejjeb il-potenzjal tal-iskola nazzjonali tal-isports biex tħarreġ atleti Maltin.

Lura fl-2016 Bogdanovic kien arrestat minħabba allegat każ ta’ vjolenza domestika. Huwa kien ingħata police bail, iżda dan il-każ kien spiċċa taħt inkjesta tal-Gvern, wara storja żvelata mill-MaltaToday.
Fil-fatt, dak iż-żmien, Bogdanovic kien plejer ta’ Xewkija. Huwa kien inżamm arrestatat iżda kien inħeles fuq police bail ftit ħin biss qabel logħba, anke jekk il-Maġistrat tal-Għassa kien qed jistenna li dan jitressaq il-Qorti, taħt arrest, l-għada.
Il-Maltatoday kienet irrapportat li l-pulizija Għawdxija ħelset lill-plejer fil-ħin għal-logħba wara pressjoni li saret minn "uffiċjal tal-Gvern."
L-inkjesta kienet ikkonfermat li l-plejer kien inħeles mill-arrest qabel ippjanat. Kienet sabet ukoll li l-Assistent Kummissarju Carmelo Magri kien staqsa direttament dwar l-arrest u li l-istess Magri kien ikkuntatjat mill-kowċ ta’ Xewkija Tigers Jesmond Zammit, li dak iż-żmien kien jaħdem ma’ Ian Borg (li dak iż-żmien kien għadu Segretarju Parlamentari).


