Is-suspettati fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - l-aħwa Alfred u George Degiorgio qed jitolbu għall-Maħfra Presidenzjali, b'Alfred Degiorgio jgħid illi huwa għandu informazzjoni li turi illi l-mandant fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia "kien Ministru" u jgħid ukoll illi kien hemm sensar ieħor f'dan l-assassinju, li fir-rigward tiegħu ma ingħatat ebda Maħfra Presidenzjali sa issa.
Degiorgio - akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, flimkien ma' ħuħ u l-Koħħu - implika eks Ministru u Ministru kurrenti wkoll f'attentat ta' serqa - probabbilment f'referenza għall-attentat ta' serqa tal-HSBC fl-2010, li spiċċat fi sparar.
Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien diġà indika li Degiorgio kien qallu illi kien l-eks Ministru Chris Cardona li kien imdaħħal fil-qtil ta' Caruana Galizia u qal li l-istess Degiorgio kien semmielu flus li allegatament għaddew mingħand Cardona.
Intant ftit biss wara d-Deputat Jason Azzopardi allega illi dakinhar tal-hold up tal-HSBC l-eks Ministru Chris Cardona ġie arrestat b'konnessjoni ma' dan ir-reat.
L-aħwa qalu dan kollu f'ittra illi fiha wkoll ċċaraw li dan kollu mhuwiex hearsay jew x'qalilhom xi ħadd imma hija prova li lest iressqu quddiem il-Qorti.
Intant il-familja ta' Daphne Caruana Galizia uriet d-diżapprovazzjoni tagħha u qalet li ma taqbilx ma' maħfra bħal din. "Il-ġustizzja sħiħa tista' ssir jekk il-qattiela ta' Daphne jirċievu l-piena kollha għat-reat li wettqu - il-qtil ta' omm minn kriminali li kienu lesti jisplodu wkoll lill-familja tagħha biex jassiguraw li nqatlet," qalet il-familja Caruana Galizia.
Anke l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irreaġixxa u saħaq illi għandu minnufih jispjega lin-nazzjon dak li għaddej u dak li għamel hu fil-ġranet li li għaddew meta sar jaf bl-aħħar allegazzjonijiet li qed joħoġru.