Sinjali pożittivi mill-Moneyval ... il-Ministru Caruana sieket dwar l-eżitu

Sorsi jgħidu li hemm indikazzjonijiet tajbin għal Malta - Ir-rapport kruċjali tal-Moneyval ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin -  Il-Gvern għaddej b'lobbying qawwi ħafna mal-FATF għall-approvazzjoni

Il-Ministru Clyde Caruana
Il-Ministru Clyde Caruana

Ftit ġimgħat qabel ikun ippubblikat ir-rapport tal-Moneyval - li se jkun kruċjali mmens għall-futur ekonomiku ta' Malta - il-Gvern qed iżomm sieket hekk kif il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li rċieva l-ewwel indikazzjonijiet ċari tal-konklużjonijiet dwar Malta, mill-istess Moneyval. 

Għalkemm il-Ministru, meta kkuntattjat, qal lil din il-gazzetta li mhuwiex se jikkumenta dwar l-eżitu jew l-ewwel reazzjonijiet tar-rapport sorsi oħrajn ta' din il-gazzetta qalu illi l-ewwel indikazzjonijiet huma tajbin.

Il-Ministru Caruana qal li f’dan l-istadju r-rapport għadu meqjus bħala abbozz u għalhekk il-Gvern ma jħossx li huwa prudenti li jikkumenta dwar id-dettalji li hemm fih. "Il-konklużjonijiet tar-rapport qegħdin jiġu evalwati mill-esperti tekniċi fi ħdan l-istituzzjonijiet varji ta’ pajjiżna."

Jekk l-eżitu tar-rapport Moneyval ikun pożittiv, xorta jkun għad fadal żewġ sfidi oħrajn importanti - anke jekk minnu innifsu rapport pożittiv ikun ta' serħan il-moħħ għall-pajjiżna u għall-eluf ta' investituri Maltin u barranin li jinsabu f'Malta. 

L-ewwel trid tiltaqa' l-plenarja tal-Moneyval u wara din id-deċiżjoni tmur għall-aħħar approvazzjoni:  Dik tal-Financial Action Taskforce (FATF).  L-FATF hija magħmula minn 37 ġurisdizzjoni u żewġ organizzazzjonijiet reġjonali - li fosthom ikun hemm il-Kummissjoni Ewropea. 

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu biss illi bħalissa u hekk kif il-Moneyval indikat kif se tiddeċiedi dwar Malta, il-Gvern Malti beda lobbying qawwi ma' dawn il-ġurisdizzjonijiet għal deċiżjoni favorevoli minn naħa tagħhom. 

Il-Moneyval - li hija l-qafas responsabbli mill-ħasil ta' flus tal-Kunsill Ewropew - kienet ippubblikat rapport diġà dwar il-progress ta' Malta fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija minnha.  Fir-rapport il-Moneyval kienet irrikonoxxiet illi l-awtoritajiet Maltin kienu fehemu x'inhuma l-vulnerabbilitajiet tas-sistema imma qalet ukoll li hemm bżonn isir aktar biex Malta tieħu l-passi neċessarji kontra persuni mdaħħlin f'reati ta' ħasil ta' flus. 

Fl-aħħar xhur kien hemm fil-fatt, żewġ gruppi kbar ta' arresti marbutin ma' ħasil ta' flus.

Lura f'Novembru l-Pulizija interċettaw 36 vettura, €60,000 u 15-il persuna ġew arrestati f'jumejn b'rabta ma' ħasil ta' flus.  Apparti dan, ġew interċettati wkoll ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters, servers u ammont kbir ta’ dokumenti li ġew analizzati.

Tnejn mill-ħames minn nies imressqin il-Qorti huma Gordon Debono u martu Yvette, fuq akkużi ta' ħasil ta' flus li jlaħħaq il-miljuni kbar ta' ewro.  Irriżulta li dawn it-tnejn huma marbutin ma' 11-il kumpanija.

Intant kienu tressqu l-Qorti wkoll, l-eks footballers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti. 

Il-ġimgħa l-oħra tressqu 11-il persuna fosthom Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini, Katrin Bondin Carter, Manuel Castgna  - minn Nexia BT - u Vince Buhagiar eks Chairman tal-Allied Newspapers, filwaqt li mistenni jitressaq ukoll Adrian Hillman.  Dawn ġew akkużati b'diversi reati differenti, fosthom frodi u ħasil ta' flus.

Sentejn ilu Malta falliet it-test intensiv tal-Moneyval.  Jekk nerġgħu nfallu issa, Malta titpoġġa fil-lista l-griża, daqqa mortali għall-ekonomija tal-pajjiż. 

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana sostna mal-ILLUM li fl-aħħar xhur kienu diversi l-istituzzjonijiet internazzjonali li nnotaw u faħħru l-investiment qawwi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjizna, "ir-riformi bla preċedent li wettaqna fl-oqsma regolatorji, supervizorji u legali kif ukoll il-ħidma kollettiva tal-imsieħba rispettivi kontra l-glieda tal-hasil tal-flus u l-finanzment tat-terroriżmu juri biċ-ċar ir-rieda tal-Gvern Malti li jara l-Malta tkun meqjusa fuq skala internazzjonali bħala ġurisdizzjoni idonja u serja għan-negozju."


 

More in Politika