Il-Moviment Graffitti jfaħħar ir-riforma mħabbra mill-Gvern dwar il-Kannabis

Il-bidliet proposti - jgħid il-Moviment - se jkunu qed jiżguraw li persuni adulti jkunu jistgħu jużaw il-kannabis mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għal sorsi potenzjalment kriminali

Il-Moviment Graffitti laqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma proposta dwar il-kannabis ippreżentata  fil-Parlament mill-Prim Ministru Robert Abela, u ddeskriviha bħala “żvilupp pożittiv” fil-ġlieda għal aktar libertajiet ċivili. 

Fi stqarrija, il-grupp irrefera għall-bidla fil-mentalità fejn il-liġi llum il-ġurnata m’għadhiex tqis lil min juża l-kannabis bħala kriminal, imma minflok qed tagħti iktar importanza lir-regolarizzazzjoni tal-kannabis għall-kultivazzjoni u l-konsum personali.

Ir-riforma, kif imħabbra  minn Abela u li bħalissa tinsab fi stadju ta' konsultazzjoni, se tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jikkultivaw sa erba’ pjanti. “Din hija miżura pożittiva li se tippermetti lil indvidwi biex ikabbru l-kannabis b’mod ħieles mingħajr ma jiddependu fuq intrapriżi privati, b’hekk tkun qed tipproteġi s-suq mill-kummerċjalizzazzjoni eċċessiva tiegħu.”

Il-Moviment Graffitti qal li din il-miżura se tkun ukoll qed tħares lil dawk li jużaw il-kannabis mis-suq kriminali, "billi dawk li jinfurzaw il-liġi se jkunu qed jitħallew jiffokaw fuq traffikar ta’ drogi fuq skala kbira u fuq organizzazzjonijiet involuti fil-bejgħ ta’ sustanzi illegali minflok joqogħdu  jaqbdu ma’ dawk li jkollhom ammonti zgħar għall-użu personali”, qal il-grupp.

“Il-bidliet proposti – speċjalment l-impenn tal-gvern biex isib sorsi legali għax-xiri taż-żerriegħa – se jkunu qed jiżguraw li persuni adulti jkunu jistgħu jużaw il-kannabis mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għal sorsi potenzjalment kriminali”.

Il-Moviment Graffitti innota madanakollu, li ma saret ebda referenza għal persuni li bħalissa qegħdin il-ħabs minħabba l-kultivazzjoni ta’ ammonti żgħar ta’ kannabis li se jkunu kompletament legali b’din ir-riforma.

Moviment Graffitti talbet li dawn jingħataw il-ħelsien u sejħitilhom "vittmi tad-dewmien li kien hemm biex isiru dawn ir-riformi."

Il-Grupp sejjaħ ukoll għall-ħolqien ta’ programm soċjali, li jara li dawk li ġew milquta b’mod negattv mill-istrutturi legali tal-passat, ikunu mgħejjuna, permezz ta’ skemi edukattivi, ta’ stħarriġ u impjieg, biex ikunu jistgħu jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

More in Politika