Il-proċess biex Hillman jiġi estradit lejn Malta mistenni jdum 'ġimgħat'
Hillman bħalissa qed jgħix Londra u mistenni jiffaċċja numru ta' akkużi kontrih ...
More in Politika
Hillman bħalissa qed jgħix Londra u mistenni jiffaċċja numru ta' akkużi kontrih ...
Adrian Hillman - eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers mistenni jkun estradit lejn Malta biex jiffaċċja diversi akkużi relatati ma' dawk li qed jiffaċċjaw Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini u Vincent Buhagiar fuq il-każ tax-xiri ta' magni mill-kumpanija Allied Newspapers. Il-pulizija, irrappurtat The Times dalgħodu issa għamlu talba formali biex Hillman jinġieb Malta, talba li mistennija tieħu "ġimgħat" biex tkun ipproċessata.
Hillman, li kien qed jinnegozja direttament ma' Schembri u li huwa mifhum li allegatament daħħal eluf ta' flus mill-profitt li sar minn fuq negozju mal-kumpanija Kasco u poġġiehom f'kontijiet barra mill-pajjiż biex ma jħallasx taxxi fuqhom, bħalissa qed jgħix f'Londra. Schembri qal lill-pulizija li hu kien sellef ukoll €1 miljun lil Hillman.
Lura fl-2017, ftit qabel l-elezzjoni ġenerali, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien qal illi għandu l-provi li juru illi Keith Schembri għadda mas-€650,000 lil Adrian Hillman, eks-Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, f'dak li Busuttil sejjaħ bħala ċirku ta' ħasil ta' flus. L-ammonti, allega Busuttil, għaddew minn diversi banek, fosthom il-bank Pilatus u oħrajn mill-Iżvizzera, u ammonti minn dawn malli waslu fil-kontijiet ta' Hillman kienu investiti f'bonds, f'dak li Busuttil kien sostna li huwa ħasil ta' flus.
Kien l-ispettur Joseph Xerri li żvela fix-xhieda l-ġimgħa l-oħra illi minn dan in-negozju ta' magni għall-Allied Newspapers sar $5 miljun fi profitt, li nqasam bejn Keith Schembri, Hillman, Buhagiar u Malcolm Scerri.
Il-Qorti semgħet ukoll kif il-flus li rċevew Adrian Hillman u Vince Buhagiar, poġġewhom fil-kont personali tagħhom - minkejja li x-xiri kien f'isem il-Progress Press. Dawn it-tnejn iddepożitaw aktar flus li mhux ċar minn fejn ġew bl-Ispettur Joseph Xerri jiddeskrivi dawn kollu bħala "każ ċar ta' tixħim."
Jidher illi Hillman irċeva €400,000 f'Lester Holdings, kumpanija fil-British Virgin Islands u €150,000 oħra f'Ġunju 2012.
L-Ispettur Xerri qal illi l-imġieba f'dan il-każ "huwa konsistenti ma' raġunijiet ta' ħasil ta' flus ... dik li kellha tkun tranżazzjoni sempliċi spiċċat f'serje ta' tranżazzjonijiet ikkumplikati magħmulin sabiex jinħbew kummissjonijiet ... ikkoordinati mill-istess nies li kienu involuti f'dan il-ftehim."