It-tfal tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Dom Mintoff Yana Mintoff u Anne McKenna ddiżassoċjaw lilhom infushom mill-bijografija ta' Patri Mark Montebello li jgħidu illi huwa mimli "ineżattezzi, allegazzjonijiet mhux sostanzjati, gideb u xnigħat."
Huma qalu illi dan il-ktieb fih materjal li skont huma ma jirriflettix il-verità u jidħol fil-ħajja privata ta' ħafna nies, li jsejħulu "immorali u mhux etiku."
Fosthom il-ktieb jidħol f'dettalji dwar il-ħajja tal-familja u l-ħajja sesswali tal-eks Prim Ministru u anke dik matrimonjali.
Yana Mintoff u oħtha jilmentaw illi fl-ebda ħin ma kienu kkonsultati dwar din il-bijografija jew għallinqas mogħtijin l-opportunità li jarawha. "L-uniku intervista minn Montebello kienet snin ilu ma' Anne, li waqqfitha minħabba li lmentat dwar l-approċċ ta' Montebello waqt l-intervista," jisħqu fl-istqarrij tagħhom.