Ritratti | Jitneħħew madwar 70 dgħajsa abbandunata bħala parti mill-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’
Dan apparti materjal ieħor fosthom biċċiet tal-ħadid, tyres u materjal ieħor tal-kostruzzjoni
More in Politika
Dan apparti materjal ieħor fosthom biċċiet tal-ħadid, tyres u materjal ieħor tal-kostruzzjoni
Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ neħħiet madwar 70 dgħajsa u opra tal-baħar li kienu abbandunati fuq xtut, bajjiet u toroq. Dan wara li fl-aħħar jiem twaħħlet notifika kif mitlub mil-liġi.
F’dawn il-jiem, ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li qed jieħdu sehem f’din il-kampanja bdew bl-eżerċizzju ta’ infurzar fix-Xatt tal-Isla, fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala, u f’diversi nħawi f’Marsaxlokk. Id-dgħajjes abbandunati kienu qed jostakolaw il-passaġġi, ikerrħu l-ambjent u, f’ċertu każijiet, anke jieħdu spazji ta’ parkeġġ.
Matul il-jum tal-Ħamis, il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ niżlet ukoll taħt il-baħar permezz ta’ diversi għaddasa mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew eżerċizzju ta’ tindif ta’ skart mormi illegalment fil-baħar.
Fost il-materjal li ttella’ kien hemm biċċiet tal-ħadid, tyres u materjal ieħor tal-kostruzzjoni.
Bħalissa għaddejja xogħlijiet oħra, fosthom żebgħa u manutenzjoni ta’ railings eżistenti, tindif ta’ pavimentar, bdil ta’ bozoz, żebgħa ġdida ta’ traffic islands u central strips, ħasil ta’ toroq, bdil u tindif ta’ tabelli, manutenzjoni fuq bankijiet u għamara oħra tat-triq, installazzjoni ta’ railings ġodda, tiswijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ u tal-franka, tneħħija ta’ tabelli illegali u żebgħa ġdida tas-sinjali tat-traffiku mal-art.
Din il-ħidma qed issir b’kordinament mal-kunsilli lokali wara proċess ta’ konsultazzjoni li sar fil-ġimgħat li għaddew, fejn ġew identifikati l-aktar żoni li jeħtieġu attenzjoni fil-lokalitajiet rispettivi.
Il-ħaddiema involuti ġejjin mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Parks Malta, Ambjent Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Transport Malta, il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi, l-Aġenzija għas-Sistemi tal-Infurzar Lokali u Infrastructure Malta.