F'konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Partit Nazzjonalista, il-kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttiġieġ talbet lil Gvern jirrikonoxxi l-isfidi marbuta mal-għoli tal-ħajja u jindirizzahom b'mod l-aktar fis.
Hi kinet akkumpanjata mill-Viċi Kap tal-partit, David Agius, u l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali, Francine Farrugia. It-tlett kelliema qablu li din hi sfida li numru ta' familji Maltin jiltaqgħu magħha flimkien ma' nies vulnerabbli bħal anzjani, nisa u tfal.
Min-naħa tiegħu Agius sostna li l-Gvern għandu l-għodda f'idejh biex jindirizza din l-isfida u dan għandu jkun l-ewwel pass tiegħu, speċjalment issa li qegħdin noqorbu għall-Budget.
Mistoqsi jekk il-Partit Nazzjonalista hux ikkonċernat bil-paga nnifisha inkluż il-paga minima jew inkella hux il-prezzijiet li baqgħu jgħolew fil-ġimgħat riċenti, David Agius spjega li l-Partit hu nkwetat u miftuħ għad-djalogu dwar kull diskussjoni fil-limiti ta' din l-isfida inkluż il-COLA.
Il-COLA magħruf ukoll bħala "l-Aġġustament tal-Għoli tal-Ħajja", fl-aħħar budget kien għola b' €1.75 fil-ġimgħa. Iż-żieda kienet inagħtat lill-impjegati, il-pensjonanti, in-nies kollha fuq il-benefiċċji soċjali kif ukoll l-istudenti li raw iż-żieda riflessa fl-istipendji tagħhom. Din iż-żieda ta' €1.75 kienet fost l-anqas li qatt ingħatat f'dawn l-aħħar tmien snin.
Claudette Buttiġieġ qalet li Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-għoli tal-ħajja b’miżuri konkreti, fosthom li jkun hemm investiment u titjib fid-dħul tal-ħaddiema li jkun jirrifletti l-ħiliet u x-xogħol li jwettqu kif ukoll b’monitoraġġ tal-prezzijiet, fost oħrajn. Buttigieg qalet ukoll li hemm 327 miljun ewro ta fondi Ewropej fil-programm ta' rkupru li l-Gvern għadu lanqas beda jimplimenta.
Il-Kandidata tal-PN Francine Farrugia qalet li l-għoli tal-ħajja huwa realtà li tiltaqa’ magħha ta’ kuljum fil-home visits. Francine spjegat kif bosta familji jsemmu l-aktar l-għoli tal-mediċini b’għoli tal-prezzijiet rappurtat bejn 10 u 30% fuq ħafna prodotti, kif ukoll prodotti tal-groceries fejn bosta sidien tal-ħwienet jikkonfermaw li ħafna prodotti għollew fl-aħħar tlett ġimgħat.
Farrugia żiedet li flimkien mal-għoli tal-prezzijiet ta’ prodotti, irridu nżidu wkoll l-għoli tal-ħajja li "għalih huwa responsabbli direttament il-gvern." Hi spjegat kif mill-eżami li għamel il-PN jidher li l-konsumatur qed jinsteraq regolarment minn 15-il-euro sa 80 euro kull kont.
"Fid-dawl tal-għoli tal-ħajja li kulma jmur qed isir dejjem iktar problema urġenti, l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista tennew it-talba li saret is-sena l-oħra li titwaqqaf Poverty Watch Unit – dan biex tkun ta’ sapport dirett lil aktar minn 82,000 ruh ġo pajjiżna li jinsabu fir-riskju ta’ faqar."