Intervista | 'Sal-aħħar tas-sena 300 familja se jkunu allokati post ġdid tal-housing'
Propju fuq is-sit ta' wieħed mill-aktar proġetti ta' housing fi stadju avvanzat - dak fis-Swatar - fejn hemm 80 appartament tal-housing kważi lest, il-Ministru Roderick Galdes iwieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM...
minn Albert Gauci Cunningham
Fiż-żona residenzjali tas-Swatar, eżatt mal-Knisja Parrokkjali, hemm proġett ta' diversi blokok ta' appartamenti li qed jinbnew. Qajla wieħed jaħseb li dan il-proġett mhuwiex sempliċiment ieħor bħal ħafna, ta' bini mill-privat, imma wieħed ta' housing soċjali. Fil-fatt dak tas-Swatar huwa wieħed minn bosta siti illi fih għaddej proġett simili, għalkemm huwa l-aktar wieħed avvanzat bl-ewwel residenti mistennijin jidħlu ftit żmien ieħor.
F'wieħed mill-appartamenti fis-Swatar - ta' daqs konsiderevoli, arjużi u magħmulin b'xogħol li jidher li huwa ta' kwalità għolja - il-Ministru tal-Housing Roderick Galdes jiltaqa' mal-gazzetta ILLUM u jirrispondi l-mistoqsijiet dwar dan is-settur, dan il-proġett kif ukoll skemi u proġetti oħrajn.
'Tajna priorità lil dan is-settur'
L-ewwelnett il-gazzetta tistaqsi jekk il-bidla minn Segretarjat Parlamentari għal Ministeru, kinitx waħda kożmetika għall-Housing jew inkella kellhiex simboliżmu akbar, speċjalment meta wieħed iqis li dan huwa settur kruċjali għal Gvern li jgħid illi huwa soċjalista.
"Ma naqbilx li kienet bidla kożmetika," jibda jisħaq mill-ewwel Galdes li jfakkar illi l-aħħar darba li dan is-settur kellu Ministeru kien bejn l-1996 u l-1998, mill-ġdid taħt Gvern Laburista.
"Aħna tajna priorità lil dan is-settur, bdejt il-ħidma minn meta kont inħtart Segretarju Parlamentari u meta sar Prim Ministru, Robert Abela sostna illi xtaq jeleva dan is-settur biex nindirizzaw il-problemi. Issa fix-xhur li ġejjin se jkun qed jibda jidher sew ix-xogħol li għamilna fl-aħħar erba' snin," qal Galdes.
Waiting List: Minn 3,300 għal 1,700 'grazzi għal diversi skemi'
Il-gazzetta tfakkru iżda li l-kritika tal-Oppożizzjoni għal dawn l-aħħar snin kienet li l-Gvern ma beniex appartament wieħed ta' housing soċjali, fl-istess ħin li l-Gvern jiftaħar li naqqas il-Lista ta' Stennija quddiem l-Awtorità tad-Djar b'mod drastiku. Kif jista' jkun li seħħ dan it-tnaqqis kollu, la huwa biss issa li se jibdew jingħataw l-ewwel appartamenti?
Galdes jibda billi jgħid illi hu qed jaħdem fuq "l-akbar proġett ta' housing soċjali li qatt sar" u jfakkar li bħalissa għaddej xogħol fuq 22 sit madwar Malta li flimkien se jkopru 1,700 appartament ta' akkomodazzjoni soċjali. Jisħaq illi l-Ministeru ried ikun ċert li l-proġetti jsiru sew u bil-proċessi kollha mitlubin bil-liġi, "mela jekk qed nitkellmu fuq permessi ġieli għamilna sena, sena u nofs u aktar...kollox sar bil-proċessi ta' procurement, fejn sibna fdalijiet storiċi għamilna disinn ġdid, ikkonsultajna mal-Kunsilli Lokali...kollox jieħu ż-żmien tiegħu."
Huwa qal li dawn il-proġetti saru dejjem bi ħsieb, biex per eżempju, f'dak tas-Swatar inbniet ħażna tal-ilma li jinżel mill-bejt, filwaqt li saru testijiet ukoll tal-konkrit "biex ikunu evitati abbużi tal-passat."
Huwa qal li llum qed jidher ir-riżultat b'mod tanġibbli biex il-Lista ta' Stennija quddiem l-Awtorità tad-Djar niżlet minn 3,300 għal 1,700 persuna jew familja.
"Ħadd ma jitkellem fuq 700 allokazzjoni ta' postijiet li għamilna - permezz tas-settur privat per eżempju, li sewwejna djar antiki u tfajnihom bħala akkomodazzjoni soċjali, ċerta blokok tlestew - bħal blokok fi Triq il-Punent u Triq il-Karmelitani fil-Belt Valletta..." spjega l-Ministru Roderick Galdes.
Huwa jgħid ukoll li l-applikazzjonijiet ġodda quddiem l-Awtorità tad-Djar qed jonqsu wkoll propju minħabba diversi inizzjattivi li qed jieħu l-Gvern f'dan il-qasam. U jelenka: Skema tal-10% depożitu għal dawk li ma jifilħux iħallsu d-depożitu fuq proprjetà, il-proġett ta' housing inter-ġenerazzjonali u oħrajn.
Huwa ddeskriva iżda l-proġetti kollettivi ta' housing li għaddejjin bħalissa - apparti s-Swatar, hemm ukoll fl-Imsida, Bormla, Siġġiewi u Ħal Farruġ fost oħrajn - bħala: "L-akbar investiment li qatt sar f'dan is-settur."
Il-Ministru Galdes sostna illi għalkemm hu jaħdem fil-kwiet, l-investiment u x-xogħol qed isir.
Mistqosi jekk dak li konna qed nagħmlu l-intervista fih, kienx l-akbar proġett mit-22 sit, Galdes wieġeb fin-negattiv u qal li l-akbar proġett fil-fatt huwa dak ta' Ħal Farruġ, fejn jgħid li x-xogħol beda wkoll.
Huwa qal illi f'dan il-każ il-Gvern dam sentejn u nofs jistenna l-permessi. "Imma x'nagħmlu? Noqgħodu niġġieldu mal-PA? Kien hemm studji tal-impatt li kellhom isiru u saru."
Huwa fakkar ukoll li fil-każ tas-Siġġiewi, il-Kunsill Lokali mmexxi mill-PN, dak iż-żmien kien fetaħ appell kontra dan il-proġett - liema appell dam sena u nofs jinstema'. Galdes jgħid - wara li l-gazzetta fakkret li l-Kunsill kien qal li ġie injorat - illi l-art in kwistjoni kienet ilha snin mmarkata għal dan it-tip ta' żvilupp.
Il-Ministru Roderick Galdes sostna illi sal-aħħar tas-sena madwar 300 familja se jkunu gawdew minn allokazzjoni ta' post ġdid tal-housing. "Aħna Gvern li nwettqu," kompla jgħid.
'Bħala Ministru mhux se nidħol fil-proċess tal-għoti tal-akkomodazzjoni soċjali'
Naturalment b'elezzjoni mhux wisq xhur 'il bogħod l-akkuża ovvja li ser issir hija li dawn l-appartamenti se jitqassmu skont interessi partiġġjani. X'se jagħmel il-Ministru biex jaċċerta li dan ma jiġrix u li kulħadd ikollu fiduċja f'dan il-proċess?
Huwa qal illi l-Awtorità tad-Djar għandha l-proċessi tagħha, li malli jidħol l-istokk jingħata u li hu bħala Ministru mhux se jidħol fil-proċess tal-għoti ta' dawn l-appartamenti. Jgħid ukoll li wara li jitlestew dawn il-proġetti se jkun hemm aktar stokk milli nies fuq il-waiting list.
"Issa rridu nibdew inħarsu aktar lejn l-akkomodazzjoni affordabbli għal dawk li ma jistgħux jixtru post imma lanqas jikkwalifikaw għall-housing soċjali."
Huwa ta eżempju ta' kif il-Gvern qed jindirizza din il-problema, mhux biss bi ħtieġa ta' bini imma wkoll permezz ta' skemi bħall-Equity Sharing - illi permezz tagħha l-Gvern xtara l-proprjetà flimkien ma' dawk interessati, skema li fakkar illi hija mmirata għal persuni bħal single parents li ma jkollhomx biżżejjed biex jixtru proprjetà.
"Nieħu gost nara lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar jibgħat iċ-ċekkijiet kull xahar għal dawk li xtraw proprjetà b'dan il-mod," jgħid il-Ministru Galdes.
L-iskema tal-10% depożitu fuq dar kienet 'suċċess kbir'
Huwa jagħmel elenku ta' skemi li ddaħħlu fl-aħħar snin, fosthom dik li l-Gvern joħroġ id-depożitu ta' 10% lil dawk in-nies - ġeneralment żgħażagħ - li ma jkunux jistgħu joħorġu dan il-persentaġġ ta' flus minn qabel u li bil-prezzijiet tal-lum faċilment jitla' għal bejn €17,000 u €20,000.
Huwa jiddeskrivi din l-iskema bħala "suċċess kbir" u jgħid li sa issa diġà kienu 200 persuna li saru sidien ta' darhom, bil-Gvern jagħti ċ-ċekk tal-10% imbagħad il-persuna tħallas lura fuq medda ta' 25 sena, bil-Gvern jagħmel tajjeb għall-imgħax kollu hu.
Huwa qal li din il-miżura għadha mhux eżawrita u allura se tkun qed tkompli tingħata.
"Hekk naqqasnieha l-Waiting List, billi ngħinu aktar nies isiru sidien ta' darhom," sostna mal-ILLUM Galdes.
Dwar skema oħra li l-Gvern kien ħabbar fl-aħħar Baġit - jiġifieri li anzjani fi djar tal-Gvern jagħtu ċ-ċavetta tal-post u jgawdu minn inqas tnaqqis fil-pensjoni li tmur għad-dar fejn jinsabu - il-gazzetta nnutat li hija diffiċli persuna tagħti ċ-ċavetta tal-post fejn dejjem għexet.
Galdes żvela kif kienu b'kollox mal-40 appartament li ġew lura għand il-Gvern permezz ta' din l-iskema. Il-Gvern qed jieħu 60% tal-pensjoni, minflok 80% ta' dawk fi Djar tal-Gvern u li minn jeddhom jagħtu ċ-ċavetta tal-post tal-housing, li mhumiex qed jgħixu fih.
'Irkuprajna numru ta' ċwievet mingħand nies li kienu qed jabbużaw'
Il-gazzetta tistaqsi wkoll dwar l-abbuż u l-wirt ta' postijiet tal-housing. L-eks PM Joseph Muscat kien tkellem bil-qawwa kontra abbuż minn nies li jkunu qed jgħixu ħajja komda, bi dħul għoli, xi kultant b'investiment fil-bini pero' li xorta jżommu l-post tal-housing li wirtu. Ma smajniex wisq iktar dwar dan....
Galdes ma jaqbilx u jgħid li din qed tiġi implimentata u li l-Gvern irkupra numru ta' ċwievet mingħand nies li kienu qed jabbużaw. Hu qal ukoll iżda li ma jixtiqx jifta' dawl ikrah fuq nies li jgħixu f'housing soċjali u jgħid li l-maġġoranza assoluta ta' dawn huma nies ġenwini.
U finalment dwar dan is-suġġett u għall-mistoqsija tal-ILLUM il-Ministru Roderick Galdes jisħaq illi malli daħal fil-kariga sab madwar 4,000 talba ta' interventi fil-Housing estates eżistenti. "Tħallew mitluqin għal snin sħaħ bi problemi tas-soqfa, katusi tal-asbestos... allura sħaqt li għandna nagħmlu pjan u nirranġaw dawn l-oqsma raħal, raħal u blokka, blokka."
Hu qal ukoll illi l-Gvern ried jibgħat messaġġ ċar li xejn mhu b'xejn u għalhekk, minkejja li għall-problemi ta' ħsarat strutturali jibqa' responsabbli hu, l-inkwilini se jibdew jieħdu ħsieb il-manutenzjoni.
"Irridu nbiddlu ċerta sens ta' entitlement li xi kultant teżisti," qal, filwaqt li spjega kif fil-każ tal-appartamenti li qed jinbndew bħalissa - inkluż dawk li konna fihom - dawn mhux se jkunu għal-bejgħ.
Aktar minn hekk huwa qal li l-Gvern se jibda sistema ta' Means Testing, li jsir tliet darbiet fuq medda ta' 10 snin: Wara erba' snin, ieħor wara erba' snin oħra u l-aħħar wieħed fl-10 sena. Galdes spjega li dan qed isir sabiex ikun assigurat li l-persuna għadha tikkwalifika għal dan il-post u jekk ma tibqax il-Gvern jara x'tip ta' għajnuna differenti jista' jagħti.
"B'hekk nassiguraw il-mobilità soċjali," temm fuq dan il-punt il-Ministru.
Kirjiet antiki: 'Ipproteġejna madwar 10,000 familja'
Resqin lejn tmiem l-intervista u bilfors kellna nistaqsuh dwar ir-riforma fil-kirjiet l-antiki li saret wara illi bosta sidien bdew jirbħu każi quddiem il-Qorti hekk kif qed jieħdu ftit ewri għal proprjetajiet li jiswew l-eluf biex tbiegħ u mijiet fix-xahar, f'kera. Il-Qrati iddikjaraw li din il-liġi tikser id-dritt tas-sid li jgawdi mill-benefiċċji tal-proprjetà tiegħu. Il-bidliet li ħabbar il-Gvern daħlu fis-seħħ u fil-prattika?
Galdes iddeskriva din bħala "waħda mill-akbar riformi li qatt saru" fis-settur tal-kirjiet u fakkar li permezz ta' dak li ħabbar il-Gvern is-sena l-oħra "madwar 10,000 familja se jkunu protetti u se jingħataw serħan il-moħħ."
Hu jgħid ukoll li anke s-sidien ingħataw sens ta' serħan il-moħħ billi għall-ewwel darba l-Gvern rabat il-kirja ma' 2% tal-valur tal-proprjetà, li qal illi "tirrispetta s-sens ta' proporzjonalità."
Il-Ministru Roderick Galdes temm jgħid li din is-soluzzjoni sabet bilanċ u allura wera' ċerta kunfidenza li mhux se jkun hemm aktar sidien li jiftħu kawżi l-Qorti.