F’konferenza tal-aħbarjiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, filmkien mad-Deputat Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, ħabbru li se ressqu protest ġudizzjarju biex il-qorti tieħu nota ta’ dawk kollha responsabbli, li ser jeżerċitaw poter pubbliku, bil-għan li jitkompla l-kuntratt tal-vitals. Qalu wkoll li permezz ta’ dan il-protest ġudizzjarju se jinżammu responsabbli dawk kollha parteċipi, “għad-danni li qed isofri l-poplu Malti”.
Qalu li l-kuntratt tal-Vitals sar bi ksur ta' liġi u ġie meqjus mill-istat stess li ma jagħtix valur għall-flus liċ-ċittadini Maltin. Għaldaqstant il-PN jemmen li dan għandu jintemm minnufih. Wara l-ammissjonijiet mill-qorti tal-istess, Steward healthcare u l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali, li ddikjara li l-kuntratt ma jassigura ebda valur għall-flus taċ-ċittadin, il-PN jgħid li l-Gvern ma jistax jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn u jalloka €69 miljun fis-sena fil-baġit, “fuq kuntratt li l-Awditur Ġenerali stess qal li sar bi ksur ta’ liġi”.
Jisħqu bi sħiħ li jekk il-Gvern ikompli jitfa’ l-flus fuq kuntratt illegali dawk il-membri kollha tal-Gvern, inkluż huma, li jivvutaw favur il-baġit ikunu kompliċi fis-serq u l-illegalità.
Il-PN jgħid li l-Gvern stess jaf li għandu problema, “tant hu hekk li aħna nafu li minn wara l-kwinti qed jieħu l-pariri kif jista’ jwaqqaf dan il-kuntratt, kif jista jinħall minnu. Huwa ċar iżda li n-nuqqas ta azzjoni qed tiswina l-miljuni u qed tiswa lil dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn l-isptarijiet għax is-servizz qed jitpoġġa wara l-profitt.”
Fl-aħħar temmew jgħidu li l-allokazzjoni tal-miljuni, mingħajr riżultati, huwa att gravi politikament u legalment u li huma jinsabu obbligati jevitaw ghax ma jridux li l-poplu jkompli jiġi misruq.