‘Mhux xi sigriet li COP26 kien falliment totali ’ - Greta Thunberg

Thunberg tgħid li l-persuni li huma fil-poter se jibqgħu jgħixu fid-dinja tal-ħolm u l-fantasiji,  'dan filwaqt li d-dinja tagħna qed tieħu n-nar'

Gretha Thunberg, attivista favur l-ambjent ingħaqdet ma’ għexieren ta’ żgħażagħ oħra, inkluż numru ta’ tfal li għamlu strajk mill-iskola, biex ilkoll flimkien jipprotestaw kontra l-aġir tal-parteċipi ta’ COP26.

F’indirizz lill-folla, Thunberg qalet li hemm bżonn li l-emissjonijiet jinqatgħu darba għal dejjem, b’mod “immedjat u drastiku”. Din il-protesta tlaqqgħet minn ‘Fridays for Future Scotland,’ grupp imwaqqaf minn għadd ta’ żgħażagħ li ġew ispirati minn Thunberg.

“Mhux xi sigriet li COP26 kien falliment totali. Huwa ovvju li ma nistgħux insolvu din il-kriżi bl-istess mod li ħloqniha,” qalet Thunberg.

Hija bdiet tirreferi għal fatt li ħafna mill-mexxejja tal-pajjiżi li attendew is-summit għażlu li jmorru l-Iskozja permezz ta’ ajruplan privat. Tul dan l-avveniment kollu, li se jibqa’ għaddej sat-12 ta’ Novembru, l-ajruporti Skoċċiżi raw 118-il ajruplan privat. Uħud minn dawn it-titjiriet kienu ta’ Jeff Bezos, il-moħħ wara Amazon, il-Prinċep Charles u l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson.

Minkejja li l-Prinċep Charles, għażel ajruplan li jagħmel użu minn fjuwil sostenibbli, b’kollox, dawk il-118 ajruplan ħolqu madwar 1,400 tunnellata f’emissjonijiet tal-karbonju.

Thunberg tenniet li, “il-persuni li huma fil-poter se jibqgħu jgħixu fid-dinja tal-ħolm u l-fantasiji … Dan filwaqt li d-dinja tagħna qed tieħu n-nar, litteralment.”

Hija ddeskriviet lil COP26 bħala ċelebrazzjoni ta’ business as usual ta’ ġimagħtejn fejn il-poteri joħolqu loopholes li huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom”.

Diversi attivisti oħra minn madwar id-dinja ngħaqdu ma’ Thunberg fl-għajta kontra t-tibdil fil-klima, fosthom kien hemm Vanessa Nakate, attivista mill-Uganda.

“L-istorja turina li l-Afrika hi responsabbli minn 3% biss tal-emissjonijiet globali. Minkejja dan l-Afrikani qed isofru uħud mill-aktar konsegwenzi brutali kawża tal-kriżi klimatika,” sostniet Nakate.

Fuq kollox, x’għamlu fil-COP26?

Fi ftit kliem sempliċi COP26 laqqa' 200 pajjiż taħt saqaf wieħed bil-għan li jiddiskutu dwar il-problemi klimatiċi u kif ilkoll flimkien se jiġġieldu  ż-żieda fit-temperatura globali, d-deforestazzjoni flimkien ma’ proposti ta’ miri ambjentali.

Diversi nies ikkritikaw lill-President Ċiniż Xi Jinping u l-President Russu Vladimir Putin talli m’attendewx għal dan is-summit. Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima, u l-Ippjanar Aaron Farrugia kienu preżenti.

Uħud mill-miri proposti li l-pajjiżi parteċipi jridu jilħqu:

  • Is-siġar: Aktar minn 100 mexxej tal-pajjiżi parteċipi qablu li jiġġieldu d-deforestazzjoni. Dan għaliex s-siġar kapaċi jassorbu numru sostanzjali ta’ Karbonju.
  • Il-metanu: Aktar minn 100 mexxej tal-pajjiżi parteċipi qablu jnaqqsu l-użu ta’ emissjonijiet tal-metanu b’30% sal-2030.
  • Il-faħam: Aktar minn 40 pajjiż qabel li jnaqqas kompletament mill-użu tal-faħam. L-Awstralja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, li huma fost l-aktar pajjiżi dipendenti fuq il-faħam għadhom ma ffirmawx għal din il-mira.
  • L-enerġija rinovabbli: 450 organizzazjoni li bejniethom għandhom $150 triljun, jiġifieri 40% tal-assi globali privati - qablu li jagħtu sostenn lil teknoloġija nadifa li se tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħalma hi l-enerġija rinovabbli.

Intant ara x'qed jipproponi l-Parlament Ewropew hawnhekk.

More in Politika