Mara anzjana miexja fil-pjazza tal-Mellieħa. Fid-daqqa u l-ħin tiġi attakkata, jinsterqilha l-basket mimli b’affarjiet essenzjali għal ħajja ta’ kuljum; iċ-ċwievet, is-sanitizer u fuq kollox kartiera mimlija flus kontanti. Tmur l-għassa, iddoqq il-qanpiena u tisma, “mur l-għassa tal-Qawra sinjura.”
Dan kollu frott tal-immaġinazzjoni, iżda mhux ‘il bogħod mir-realtà li r-residenti tal-Mellieħa qegħdin jaffaċjaw. Għal dawn l-aħħar tliet snin, il-bibien tal-għassa fil-pjazza tal-Mellieħa kienu magħluqin. Il-lokalità kellha biss uffiċju għall-uffiċjali tal-kommunità.
Għaldaqstant, l-ILLUM tkellmet mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima u whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, li huwa Mellieħi. Huwa spjega li għal dawn l-aħħar 16-il xhar, ressaq din il-kwistjoni għal sitt darbiet fil-Parlament Malti, dan filwaqt li għamel petizzjoni b’aktar minn 500 firma.
Din il-petizzjoni ġiet ippreżentata quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija Angelò Gafa kif ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.
Kien hemm għalfejn tissemma sitt darbiet fil-Parlament?
Cutajar wieġeb li biex ikun hemm l-uffiċjali tal-kommunità fir-raħal, li huwa ddeskriva bħala xi ħaġa tajba, ingħalqet l-għassa. Madankollu, huwa spjega li għal dawn l-aħħar snin meta persuna kienet tiġi bżonn assistenza mill-pulizija, kien ikollha tirrikorri għall-għassa tal-Qawra, disa’ kilometri ‘l bogħod.
Żied jgħid li din hija inkwetanti għax jekk ikun hemm persuni anzjani li jkollhom bżonn l-għajnuna jaf isibuha diffiċli jikkuntattjaw lill-pulizija online jew imorru l-għassa tal-Qawra, waħda li tilqa’ fiha ħafna xogħol minħabba li taqdi l-akbar lokalità ta’ Malta. Kien fi tweġiba Parlamentari li l-Ministru Clint Camilleri ħabbar li għaddejin bix-xogħlijiet konklussivi fl-għassa tal-Mellieħa biex din tibda’ tintuża bħala uffiċini għall-Pulizija tal-Komunità. Kien id-Deputat Cutajar innfisu li staqsa din il-mistoqsija.
Mal-ILLUM, Cutajar ikompli jgħid li peress li issa n-numru ta’ pulizija fl-għassa ser ikunu limitati, jispjega li wieħed irid idoqq il-qanpiena biex jara jistax jinqeda minnufih u jekk le, bħal qabel ser ikollu jmur l-għassa tal-Qawra.
Fl-aħħar stqarr mal-ILLUM li ilu xhur sħaħ jaħdem fuq din il-kwistjoni u jinsab diżappuntant li f’ċertu distretti, fosthom il-Fgura, fejn jirrimarka li huwa kandidat il-Ministru tal-Intern kurrenti, kemm l-għassa kif ukoll uffiċini għall-uffiċjali tal-kommunità kien hemm spazju għalihom it-tnejn. “Għalija dan insult għall-intelliġenza tan-nies,” temm jgħid Cutajar.